50 Miżura Ta’ Ħarsien Mill-Covid-19 Fl-Iskejjel…. Kun Af Dwar Uħud Minnhom
Fl-isfond tal-pandemija tal-Covid 19, l-edukaturi daħlu lura f’107 skola statali madwar il-pajjiż biex tingħata bidu għas-sena skolastika 2020/21. Il-Ministeru tal-Edukazzjoni qal li fil-ġimgħat li għaddew ġew implimentati iktar minn 50 miżura ta’ harsien mill-Covid-19 u sar risk assessment fl-iskejjel kollha.
Il-miżuri huma varji u jibdew mill-grada tal-iskola, fejn tittieħed it-temperatura tal-persuni li huma awtorizzati li jidħlu fl-iskejjel u wkoll isir użu mis-sanitizer. Fl-iskejjel imbagħad hemm miżuri li jvarjaw minn distanza bejn is-siġġijiet tal-edukaturi għal dawk tal-istudenti, sa protokolli li għandhom jittieħdu kemm fl-ispazji komuni, għal-laqgħat u l-ilbies ta’ maskri u visors. Fl-entratura ta’ kull skola, hemm uffiċjal tas-sigurtà li jara li dawk kollha li jkunu deħlin iżommu mal-protokolli.
Ir-risk assessments ta’ kull skola statali ġew konklużi minn risk assessors indipendenti li qegħdin fuq ir-reġistru tal-Awtorita ghas-Saħħa u s-Sigurtà u dawn iċċertifikaw kull skola statali bħala skola li l-protokolli li talbu minnha l-awtoritajiet tas-saħħa ġew implimentati.
Sadanittant, dalgħodu l-Ministru Owen Bonnici ltaqa’ b’mod virtwali ma’ aktar minn 200 għalliem ġdid qabel ma bdew is-sena skolastika. L-istudenti din is-sena se jibdew deħlin lura l-iskola fuq numru ta’ ġranet bejn is-7 u l-14 ta’ Ottubru.
Ritratt: DOI/ Clifton Fenech