Bernard Grech Kien Investigat Dwar Evażjoni Ta’ Taxxa Fl-2018
Il-kandidat għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kien investigat mit-Tax Compliance Unit fejn instab li kellu sensiela ta’ irregolarijiet u ġie ordnat iħallas €17,000 oħra fi ħlasijiet dovuti għat-Taxxa tal-VAT.
Dan ġie żvelat dalgħodu mill-ġurnal The Times. Il-gazzetta kkonfermat li l-investigazzjoni li saret sentejn ilu, kienet mifruxa fuq bosta snin u kixfet li għal numru ta’ snin, Dr Grech naqas milli jiddikjara d-dħul kollu tiegħu. Ħareġ ukoll li Grech għamel depożiti fil-bank li mhumiex spjegati – fi kliem l-investigaturi “undeclared income and unexplained bank deposits”.
Ingħad li għalkemm ħafna minn dawn id-depożiti ġew spjegati minn Grech matul diversi laqgħat li kellu mal-awtoritajiet tat-taxxa, l-investigazzjoni dwaru kkonkludiet li huwa ma ddikjarax id-dħul kollu tiegħu.
Qabel saret din l-investigazzjoni, Grech ġie mwissi wkoll li naqas milli jħallas dak dovut minnu għal 12-il sena bejn is-snin 2005 u l-2016. Dan wara li naqas milli jissottometti b’mod xieraq ir-returns tat-taxxa tiegħu.
Żied jingħad li s-€17,000 li Grech intalab iħallas fi tmiem din l-investigazzjoni, huma separati mit-€30,000 f’taxxa li Grech mar iħallas x-xahar li għadda meta kien diġà ħabbar il-kandidatura tiegħu għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Sorsi li tkellmu mal-gazzetta qalu li l-investigazzjoni li kien soġġett għaliha Grech, issir fuq persuni li b’mod ripetut jonqsu milli jiddikjaraw kif suppost id-dħul finanzjarju tagħhom.
Fil-fatt ingħad li l-awtoritajiet wettqu dak li jissejjaħ ‘bank deposti test’ li żvela l-possibbiltà ta’ irregolarijiet ripetuti. Kelliem għal Bernard Grech ikkonferma li l-kandidat għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista kien soġġett għal din l-investigazzjoni. Huwa żied jgħid li Grech għandu kollox kif suppost u m’għandu l-ebda pendenzi. Żied jgħid li Grech ta d-dettalji lill-bord li wettaq l-iskrutinju fuqu bħala parti mill-proċess għat-tmexxija tal-PN.
Il-kelliem ta’ Grech tefa’ dubju dwar iż-żmien li fih seħħet din l-investigazzjoni. Qal li din bdiet ftit tal-ġimgħat wara li Grech tkellem f’mass meeting tal-PN f’Ħal Balzan lura fl-2017.
Aktar kmieni dan ix-xahar, l-istess gazzetta rrapportat li Grech qabel li jħallas bosta pendenzi li kelli f’arretrati ta’ taxxi wara li ffirma biex iħallas dak dovut minnu u jirregola l-pożizzjoni tiegħu. Fil-fatt huwa ħallas €30,000 f’taxxi dovuti l-għada li ġie ppubblikat ir-rapport u ppreżenta kopja taċ-ċertifikat li nħareġ mill-awtoritajiet. Ftit sigħat wara l-pubblikazzjoni tal-istorja, Dr Grech xandar filmat fuq il-media soċjali li fih ammetta li seta’ qagħad aktar attent.
L-investigazzjoni li saret fl-2018 għarblet sew il-qagħda finanzjarja ta’ Grech bejn l-2005 u l-2018 u eventwalment iffokat fuq id-dħul tiegħu bejn l-2012 u l-2016.
Din l-investigazzjoni sabet li Bernard Grech ma kienx jopera kont separat għall-flus li kien iddaħħal mill-klijenti tiegħu u għalhekk kien diffiċli għall-awtoritajiet biex jistabbilixxu d-dħul ta’ Grech. Żied jingħad li l-awtoritajiet ta-taxxa taw lil Grech tnaqqis ta’ 40 fil-mija fuq l-ammont ta’ taxxa dovuta dwar id-depożiti li saru minnu u li ma kienx hemm spjegazzjoni għalihom.
Ingħad li fuq perjodu ta’ ħames snin, l-awtoritajiet stmaw li Grech naqas milli jiddikjara madwar €43,000 fi dħul. Dan wara li naqsulu 40% mill-ammont li waslu għalih.
Din l-investigazzjoni sabet ukoll li qabel ma ġie investigat, Grech kien irreġistrat fuq l-inqas faxxa ta’ taxxa minn dik li verament kienet tirrifletti d-dħul tiegħu. Minbarra d-dħul tiegħu ta’ avukat, Grech kien iddaħħal ukoll ammont ta’ flus minn studenti barranin li kienu joqogħdu f’daru.
Fi tmiem ta’ din l-investigazzjoni, Grech irriżulta li kellu jħallas ukoll €17,365 f’taxxa tal-VAT li l-gazzetta qalet li l-kandidat għat-tmexxija tal-PN ħallas b’ċekk.
Il-kelliem tiegħu qal li Grech iddikjara d-dħul tiegħu b’mod sħiħ u waqt li jagħraf li seta’ qagħad aktar attent, dawn ġew rikonoxxuti bħala naqqasijiet żgħar.