Bħalissa Għaddej Il-Ġbid f’Malta Ta’ The Seed
The Seed huwa l-isem ta’ produzzjoni li bħalissa qiegħda tinġibed f’żewġ lokalitajiet f’Malta: Ħal Għargħur u Fomm ir-Riħ. Fuq din il-produzzjoni se jkunu qegħdin jintefqu ftit inqas minn €2 miljun, filwaqt li nofs l-ammont se jintefaq f’Malta. Il-produzzjoni hija waħda tal-kumpanija Ingliża, Ingenious Group, b’kollaborazzjoni lokali. It-tema tal-produzzjoni hija deskritta bħala ‘sci-fiction horror’.
Il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli, flimkien mal-Kummissarju tal-Films Johann Grech, fil-jiem li għaddew żaru wieħed miż-żewġ siti fejn qed issir il-produzzjoni. Il-ministru u l-kummissarju ltaqgħu mal-produtturi u ma’ wħud minn dawk li qegħdin jieħdu sehem fil-produzzjoni.
Wieħed mill-produtturi, Matt Hookings, qal li l-ġbid tal-produzzjoni f’Malta huwa riżultat tal-esperjenza sabiħa u tajba li kellu is-sena li għaddiet meta huwa u t-tim tiegħu pproduċew hawnhekk ukoll il-film The Obscure Life of the Grand Duke of Corsica, produzzjoni li se toħroġ fi żmien qasir.
“Wara dik l-esperjenza daqstant tajba kien jagħmel sens li nerġgħu niġu hawn fejn qegħdin nerġgħu nsibu għajnuna u koperazzjoni kbira min-naħa tal-Kummissjoni Maltija tal-Filma,” qal Matt Hookings.