Ebda Investigazzjoni Kriminali Fuq Muscat Minn Taqsima Fi Ħdan Il-Bank Ċentrali Taljan

 Ebda Investigazzjoni Kriminali Fuq Muscat Minn Taqsima Fi Ħdan Il-Bank Ċentrali Taljan

L-Unità di Informazione Finanziaria per l’Italia (UIF) li hija taqsima amministrattiva fi ħdan il-Bank Ċentrali Taljan mhi qed tagħmel ebda investigazzjoni fuq l-ex Prim Ministru Joseph Muscat. Dan għax din l-entità ma tagħmilx dawn it-tip ta’ investigazzjonijiet li ġiet allegata li qed issir fil-konfront tal-ex prim ministru Malti.

Fl-aħħar sigħat il-midja bl-Ingliż f’Malta bdiet tikkwota avukat skreditat mill-Istati Uniti u ta’ oriġini dubjuża fejn allega li l-UIF fetħet “investigazzjoni kriminali” fuq “tranżazzjonijiet finanzjarji” ta’ Joseph Muscat fl-Italja.

Madankollu minn riċerka bażika ta’ persuni li għandhom għarfien dwar kif taħdem is-sistema Taljana flimkien ma’ minn jaf jaqra bit-Taljan, joħroġ li dawn l-investigazzjonijiet isiru minn entitajiet oħra u mhux mill-UIF.

B’reazzjoni, Joseph Muscat qal li hu qatt ma kellu ‘kontijiet’ jew ‘tranżazzjonijiet finanzjarji’ f’pajjiż ieħor ħlief f’Malta, kif jista jiġi kkonfermat mid-dikjarazzjonijiet tal-assi tiegħu.

Żied li dan l-iżball ma jistax jinħafer minn persuna li ġej minn xi ħadd li jiftaħar li hu espert u li saħansitra ngħata din l-informazzjoni mill-UIF stess.

“Biex inkun ċar, dan il-frodist li kien anki mibgħut il-ħabs, qed jallega li awtorita partikolari qaltlu li qed tagħmel xi ħaġa li din l-istess awtorità fil-fatt ma tagħmilx”, spjega Muscat.

Qal li dan jikkonferma li dan il-persuna giddieb jista’ jitwemmen biss minn min jibla’ kollox.

Dr Muscat appella lill-midja lokali li trid tkun serja, biex qabel ma jirriproduċu invenzjonijiet ta’ dak li sejjaħ bħala frodist, tieħu l-ħin biex b’mod indipendenti tivverifika dawn l-allegazzjonijiet superfiċjali, li saħansitra jinkludu wkoll li Joseph Muscat jgħin lit-terroristi.

L-ex Prim Ministru fakkar li hu flimkien ma’ familjtu kienu suġġetti għal invenzjonjiet ta’ persuna giddieba oħra u li sal-lum tħalliet għaddejja qisu qatt ma kien xejn.
Sostna li l-fatti juru li din il-persuna ffalsifikat dokumenti u firem, waqt li dawk li taha l-għajnuna tagħhom għadhom jinħbew wara l-kumplikazzjonijiet tas-sigriet professjonali legali.

“Sal-lum għadni ma nistax nifhem x’hemm professjonali wara l-fatt li tkun kompliċi ta’ giddieba u frodista”, temm jgħid Muscat waqt li sostna li għal-lum se jieqaf hawn.

Ritratt: Facebook/ Joseph Muscat

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com