“Hemm Bżonn Ta’ ‘Clean Up’ Tal-Attitudni Tagħna…” – Mario Camenzuli

 “Hemm Bżonn Ta’ ‘Clean Up’ Tal-Attitudni Tagħna…” – Mario Camenzuli

Dalgħodu saret attività ta’ tindif fuq il-Bajja tal-Għadira mill-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent. Tenniet li ħadd ma jieħu gost jiġbor skart li ħalla ħaddieħor u għalhekk il-Kummissjoni tħoss li attivitajiet bħal dawn għandhom iħeġġuna biex nagħmlu eżami tal-kuxjenza fuq il-ħarsien tal-ħolqien.

Ritratt: Curia Communcations

Iċ-Chairperson tal-Kummissjoni Ambjent, Mario Camenzuli, wera x-xewqa li bis-sehem ta’ kulħadd naslu f’sitwazzjoni fejn dawn il-clean-ups ma jkunx hemm għalfejn isiru. Qal li biex nieħdu ħsieb id-dar komuni tagħna jeħtieġ nagħmlu clean-up tal-attitudni tagħna lejn dak kollu li jinsab madwarna, lejn l-ambjent li ngħixu fih, lejn
il-proxxmu tagħna, u lejn il-ħolqien.

Għaldaqstant, saħaq li għandna noqogħdu attenti għall-konsumeriżmu żejjed li jħalli effetti negattivi fuq il-bniedem u fuq l-ambjent ta’ madwarna. Qal ukoll li jeħtieġ nimmiraw għal stil ta’ ħajja aktar sostenibbli u bħala individwi kif ukoll bħala poplu, jeħtieġ ikollna aktar għarfien dwar il-miri għall-iżvilupp sostenibbli, nitħarrġu sew fuqhom, u naħdmu qatigħ biex nilħquhom.

Mario Camenzuli fakkar li matul ix-xahar ta’ Settembru l-Insara kollha jiċċelebraw ix-Xahar tal-Ħolqien (Season of Creation) u li din is-sena huwa wkoll għeluq il-5 snin mill-pubblikazzjoni tal-enċiklika Laudato si’ tal-Papa Franġisku dwar l-għożża tad-dar komuni. F’din l-enċiklika l-Papa jagħmel referenza għall-kultura tal-iskart u jappella biex ilkoll kemm aħna jkollna sens ċiviku qawwi, biex titjieb il-kwalità tal-ħajja.

Camenzuli qal li l-KA temmen li huwa tajjeb li minn żmien għal żmien gruppi ta’ nies jagħtu mill-ħin tagħhom biex inaddfu postijiet mill-iskart li nkunu ħloqna aħna stess, imma insista li fuq il-ħtieġa li lkoll kemm aħna naħdmu favur stil ta’ ħajja li tiġġenera inqas skart li fl-aħħar mill-aħħar joħloq problemi minn diversi aspetti.

Din l-attività ta’ tindif, li saret fl-okkażjoni tal-World Clean-up Day u bħala parti mill-kampanja Save Our Blue, ġiet organizzata mill-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima.

 

Ritratt: Curia Communications

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com