Il-Kundizzjoni Li Taffettwa L-Ġogi… Litteralment Toqob Fl-Għadam…

 Il-Kundizzjoni Li Taffettwa L-Ġogi… Litteralment Toqob Fl-Għadam…

Tissejjaħ L-Osteroporożi. Din hija kundizzjoni komuni li tista’taffettwa kwalunkwe età b’mod partikolari pazjenti anzjani. Hija kundizzjoni prevalenti ħafna u spiss mhux idajjakonast. Fil-fatt 75% ta’ dawk li għandhom aktar minn 80 sena huma affettwati. Waqt l-osteoartrite taffettwa biss il-ġogi, l-osteoporożi taffettwa l-għadam infushom. L-osteoporożi litteralment ifisser “toqob fl-għadam”. F’din il-kundizzjoni jiżviluppaw toqob minħabba telf fil-massa u fid-densità tal-għadam. Dan jagħmel l-għadam dgħajjef, fraġli u artab u suxxettibbli għall-ksur. Il-bniedem jilħaq l-ogħla massa tal-għadam madwar l-età ta’ 20 sena. Wara din l-etá, ir-rata ta’ telf ta’ għadam hija ikbar mill-produzzjoni, b’riżultat li jkun hemm tnaqqis naturali fil-massa tal-għadam.

Ritratt: South Carolina Sport Medicine

Fin-nisa, it-telf f’daqqa ta’ ormoni tal-estroġenu fil-menopawsa, li huma importanti biex jiddepożitaw l-għadam, jikkawża żieda ta’ telf ta’ għadam u riskju akbar ta’ osteoporożi. Xi pazjenti huma wkoll f’riskju akbar ta’ din il-kundizzjoni partikolarment jekk għandhom storja familjari tal-istesskundizzjoni, problemi endokrinali jew b’dieta ħażina eż. anoressja. Ċerti mediċini eż. sterojdi jew dawk li jpejpu huma f’risku li jiżviluppaw din il- kundizzjoni. L-għadam l-iktar affettwat ta’ spiss huma l-ġenbejn u x-xewka tad-dahar. Fil-fatt dawn huma l-iktar għadam miksura b’mod komuni fl-anzjani. L-osteoporożi tista’ tikkawża uġigħ fl-għadam imma tista’ tkun bla sintomi u tiġi identifikata biss meta jittieħed X-Ray wara korriment. Fil-fatt, ammont pjuttost sinifikanti ta’ għadam jeħtieġ li jintilef qabel ma jkun hemm tibdil ovvju fuq X-Ray.

Mod aħjar biex tidentifika l-osteoporożi huwa billi tuża  DEXA scan. Dan jinvolvi 2 mewġi ta’ radjazzjoni b’doża baxxa li jiddeterminaw b’mod differenti d-densità tal-għadam. L-iktar valur importanti fuq ir-riżultat DEXA huwa l-“punteġġ T” – jekk dan hu bejn 0 u -1.5 dan huwa skan normali, -1.5 sa -2.5 ifisser li wieħed jista’ jkollu osteopenja (forma bikrija ta’ osteoporożi) u jekk il-punteġġ T huwa aktar minn -2.5 allura hemm osteoporożi. Biex tiġi evitata l-osteoporożi hija rrakkomandata dieta sana li tinkludi konsum adegwat ta’ kalċju u tgħix f’pajjiż imbierek mix-xemx bħal Malta, li jgħin ukoll il-produzzjoni ta’ vitamina D!

Ritratt: South Carolina Sport Medicine

Importanti li jitwaqqaf it-tipjip u l-konsum tal-alkoħol. L-aħjar eżerċizzju huwa dak li-jiġġenera forzi u impatt fuq l-għadam eżempju mixi ta’ 30-40 minuta 4 darbiet fil-ġimgħa. Kull eżerċizzju li jħalli impatt fuq  l-għadam jgħin biex jistimula d-depożizzjoni tal-għadam. B’hekk, l-għawm, għalkemm eżerċizzju ġeneralment brillanti, mhuwiex partikolarment immirat għall-prevenzjoni tal-osteoporożi. F’pazjenti li żviluppaw il-kundizzjoni, l-aktar mediċini preskritti huma bisphosphonates eż. Alendronate. Jistgħu jingħataw mill-ħalq jew ġol-vini u meta jittieħdu fuq medda twila ta’ żmien jgħinu biex titnaqqas l-inċidenza tal-ksur.

Dan it-tagħrif twassal lilkom mill-Professur Alistair Pace li huwa konsulent tal-ortopedija u lettur fl-Università ta’ Malta. Huwa ħadem f’numru kbir ta’ sptarijiet fl-Ingilterra qabel ma ġie jaħdem lura f’Malta.

Għandu esperjenza enormi fit-trattament ta’ kondizzjoniet tal-għadam u l-ġogi. Hawn Malta jaħdem fis-St. James Hospital Tas-Sliema jew iż-Żejtun, kif ukoll f’Da Vinci hospital f’ Bikirkara.
Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com