Jagħtuh Basktijiet Bħala Donazzjoni Biex Joħloq Djar Għall-Qtates Abbandunati
Issa li ġej temp xitwi, b’maltempata kultant tolqot il-gżejjer Maltin, l-aktar li jsofru huma l-annimali abbandunati li m’għandhomx kenn mill-effetti tat-temp tul ix-xhur kesħin.
Mhux l-ewwel darba li xi ġar jew xi Kunsill Lokali ħenn ma’ dawn l-annimali, b’mod partikolari mal-qtates, fejn ħolqu djar apposta biex l-istess qtates jistkennu mill-maltemp.
Iżda kumpanija rinomata sew f’Malta, Bolt, iddeċidiet li toffri id ta’ għajnuna lil Mikel St John, raġel li hu magħruf sew kemm iħobb lill-qtates u kemm jiddedika ħin minn tiegħu biex isalva u joffri kenn għal qtates abbandunati.
Dan hekk kif għażlu li jagħtu donazzjoni numru ta’ basktijiet li baqgħux tajbin għal użu biex iwasslu l-ikel bihom, iżda li kienu perfetti biex iservu ta’ kenn u post ta’ rqad għall-qtates li salva Mikel.
Mikel irringrazzjahom tal-ġest nobbli li għamlu u qalilhom kif il-qtates ħadu gost ferm bihom u diġá bdew jużawhom.