Bil-Filmat: James Bondin Jaf Jitlef L-Indipendenza Bil-Marda Tal-ALS
Fi programm speċjali online ta’ Xarabank il-komiku Joe Debono magħruf iktar bħala ‘James Bondin mill-Awtorità tax-Xandir’ stqarr li ġie maħkum mill-marda tal-ALS. Din il-marda tista’ ttellfu mill-indipendenza tiegħu fi ftit żmien.
F’intervista kommoventi ħafna, Joe stqarr li dawn l-aħħar jiem għalih ma kinux mumenti faċli, iżda sab ħafna għajnuna fosthom ta’ ALS Malta. Spjega kemm qiegħed issib diffiċli iżomm mar-rutina ta’ kuljum u li ftit ftit qiegħed ikollu jadatta għar-realtà l-ġdida.
Kienet propju l-logħba tat-tennis li nebħitu li għandu xi ħaġa stramba wara li kien qed issiba diffiċli joħroġ il-blalen tat-tennis mill-but. Wara bosta testijiet, u operazzjoni f’għonqu minħabba nerv maqrus, baqa’ ma rkuprax, u hemm indunaw li għandu l-ALS.
L-għarfien dwar din il-marda kiber bil-bosta fis-sajf tal-2014 meta miljuni madwar id-dinja, politiċi, artisti, kantanti u ħafna nies oħra ipparteċipaw fl-Ice Bucket Challenge. Aktar tard f’Malta Bjorn Formosa waqqaf l-ALS Malta, fejn għamel il-kawża tiegħu waħda Nazzjonali sabiex jgħin lil dawk bħalu maħkuma minn din il-marda.
It-tim ta’ StradaRjali juri s-solidarjetà ma’ Joe filwaqt li jixtieqlu kuraġġ.