Jintefħu L-Ewwel Żewġ Karreġġjati Tas-‘Central Link Project’
Il-Prim Ministru Robert Abela flimkien mal-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg żaru l-ftuħ tal-ewwel żewġ karreġġjati li jagħmlu parti mill-proġett tas-Central Link.
Waqt iż-żjara tiegħu fuq il-lant tax-xogħol, il-Prim Ministru qal li dan il-proġett qed jitwettaq b’effiċjenza kbira se jwassal għal tnaqqas fil-ħin li s-sewwieqa jagħmlu fit-traffiku, se joħloq spazji siguri għall-mezzi tal-ivvjaġġar u se jtejjeb l-ambjent għax se jiffranka ħafna dħaħen fl-arja.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Ian Borg qal li dan il-proġett qed isir b’investiment ta’ €55 miljun. Spjega li t-triq il-ġdida li tagħti lejn il-Punent fiha żewġ karreġġjati u għalissa twassal mill-Imrieħel sa Wied Inċita.
Qal li kif jitlesta l-proġett din se tibqa’ sejra sa Ta’ Qali fejn se tingħaqad mar-roundabout ta’ taħt it-Telgħa tas-Saqqajja.