Kien Tlesta Fl-1906… Il-Breakwater Tal-Port Il-Kbir Jingħata R-Restawr Mistħoqq

 Kien Tlesta Fl-1906… Il-Breakwater Tal-Port Il-Kbir Jingħata R-Restawr Mistħoqq

Il-Breakwater tal-Port il-Kbir kien tlesta fl-1906. Matul dawn is-snin kollha tal-eżistenza tiegħu, riżultat tal-qawwa tal-elementi naturali, spiċċa b’numru ta’ knatan nieqsa li joħolqu r-riskju li aktar ġebel jittiekel jsiru ħsarat irreparabbli.

Għaldaqstant bħalissa għaddejjin xogħlijiet ta’ manutenzjoni u tiswija minn Infrastructure Malta b’investiment ta’ €1 miljun. Tim ta’ għaddasa u ħaddiema oħra ġabru l-ġebel oriġinali li kien waqa’ fil-baħar tal-madwar tul is-snin.

Dawn ġew imnaddfa u spezzjonati, u dak li seta’ jerġa’ jintuża tpoġġa f’postu mat-tarf tal-breakwater, filwaqt li ġie impurtat ġebel simili minn barriera fi Trani, l-Italja biex jieħu post dak li kien imkisser.

Ix-xogħol jinkludi wkoll manutenzjoni fuq il-pont li jgħaqqad in-naħa tal-breakwater ta’ Sant’Iermu mal-Belt. Dan il-pont kien jeżisti komplut fl-1906 iżda tkisser minn bastimenti Taljani waqt it-Tieni Gwerra Dinjija. Tmien snin ilu inbena pont simili fl-istess post u bħalissa għaddejja tiswija u xogħol ta’ żebgħa ġdida fuq l-istruttura tal-ħadid u tibdil ta’ partijiet tal-gverta tal-injam li fihom il-ħsara. Se jiġu mwaħħla poġġamani ġodda u sistema u konnessjonijiet tad-dawl aħjar.

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg qal li dan il-proġett huwa essenzjali hekk kif din l-infrastruttura marittima hija element kruċjali għall-Port il-Kbir, li mhux biss huwa ġawhra mimlija storja u wirt, iżda huwa sors importanti għall-ekonomija ta’ pajjiżna.

Jekk it-temp jippermetti, ix-xogħol kollu fuq dan il-proġett jitlesta sal-aħħar tas-sena.

Interessanti l-fatt, li meta kien qed jinbena dan il-breakwater, ma kienx hawn biżżejjed ħaddiema Maltin biex jaħdmu fuqu u kienu ġabu t-Tuneżin f’pajjiżna. Kienu jħallsuhom bil-ħobż u s-sardin apparti bil-flus u minn hemm twieldet il-frażi: Malta ħanina, ħobża u sardina, li għadha popolari sal-lum malli Tuneżin jagħraf Malti.

Ritratt: DOI/ Jason Borg

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com