L-MUT Taqbel Mad-Deċiżjoni Li L-Istudenti Ma Jibdewx Kollha Fl-Istess Jum
Fi stqarrija mill-MUT, intqal li din laqgħet it-talba biex l-istudenti ma jibdewx kollha fl-istess ġurnata. B’hekk, dan it-tqassim jippermetti lill-iskejjel jikkontrollaw aħjar l-implimentazzjoni tal-protokoll u anke l-prattiċi li qed jiġu ntrodotti biex tiġi mħarsa s-saħħa u s-sigurtà, kemm tal-għalliema u anke tal-istudenti.
L-MUT saħqet li dan il-perjodu ser jgħin lill-għalliema biex jagħmlu l-preparamenti meħtieġa fir-rigward tal-kurrikulu u l-pedagoġija. Tenniet ukoll li l-MUT se tkun essenzjali biex jiġu identitifkati problemi speċifiċi mill-membri tagżhom fl-iskejjel biex dawn ikunu indirizzati.
Għal din ir-raġuni, l-MUT illum ser tniedi formola online sabiex timtela’ mill-membri li fiha huma mħeġġa jgħaddu dan ir-rispons.
Filwaqt li qalet ukoll li se tosserva l-andament, se tassisti lill-iskejjel u l-membri tagħha biex tażgura li l-iskejjel jadottaw il-miżuri miftiehma. L-MUT għadha kemm ikkomunikat ukoll mal-iskejjel tal-knisja u dawk indipendenti biex titlob aġġustament simili.
Fl-aħħarnett l-MUT assigurat lill-membri tagħha, li ser tkun magħhom matul dan iż-żmien diffiċli għal kulħadd u ser tkun qed tagħmel minn kollox sabiex tkompli tipproteġi s-saħħa u s-sigurtà tagħhom, tal-istudenti u ta’ kulħadd.
Aqra hawn għal aktar dettalji: https://mut.org.mt/l-mut-tinnota-d-decizjoni-tal-gvern-u-tilqa-l-posponiment-tal-ftuh-tal-iskejjel-ghall-istudenti/
Ritratt: Malta Union Of Teachers