Malta Għandha Għall-Ewwel Darba Ambaxxata Fil-Ġappun.

L-Ambaxxata l-ġdida f’Tokyo fetħet il-bibien tagħha uffiċjalment il-bieraħ 28 ta’ Settembru.
Malta u l-Ġappun ilhom igawdu minn rabtiet bilaterali eċċellenti sa mit-twaqqif tar-relazzjonijiet diplomatiċi fl-1965. Dawn ir-relazzjonijiet ħadu spinta kbira ‘l quddiem meta fl-2017 żar pajjiżna, il-Prim Ministru Ġappuniż ta’ dak iż-żmien Shinzō Abe u sussegwentament din iż-żjara kienet reċiprokata bi żjara fil-Ġappun mill-eks Prim Ministru Joseph Muscat f’Lulju 2018.
Kien propju waqt dawn il-laqgħat bejn iż-żewġ Prim Ministri li ttieħdet id-deċizjoni li tinfetaħ Ambaxxata Maltija f’Tokyo. Il-gvern qal li l-ftuħ ta’ din l-Ambaxxata huwa sinjal ċar li Malta tħares lejn il-Ġappun bħala sieħeb importanti, kif ukoll mexxej notevoli fl-affarijiet dinjija.
L-Ambaxxatur ta’ Malta fil-Ġappun huwa Andre Spiteri.