Malta s-Sofri Telfa Kbira
It-tim nazzjonali Malti tan-nisa ġie megħlub mill-qawwa tat-tim nazzjonali tad-Danimarka 8 – 0 f’logħba ta’ kwalifikazzjoni tal-Kampjonat Ewro 2022 li ntlagħbet f’pajjiżna t-Tlieta filgħaxija.
Id-Danimarka bdew jiskorjaw bla ħniena u fl-ewwel taqsima skurjaw tliet darbiet u fit-tieni taqsima komplew jikkastigaw lit-tim Malti b’ħames gowls oħra.
Sitt minuti logħob u d-Danimarka marru fil-vantaġġ permezz ta’ Harder. Maħsuda minn dan il-gowl Malta sofriet ieħor minuta biss wara permezz ta’ Nadim. L-istess plejer skurjat it-tielet gowl tal-logħba fit-42 minuta biex l-ewwel taqsima għalqet 3-0.
Sekondi biss fit-tieni taqsima u Troelsgaard għamlet l-iskor 4 – 0. Harder għamlet dopjetta personali fil-51 minuta u żewġ minuti wara Pederson kompliet tixħet fix-xibka Maltija għal 6-0.
Ma’ ftit aktar minn siegħa logħob, Bruun skorjat is-seba’ gowl tal-logħba b’Troelsgaard tagħmel l-iskor 8-0 mat-tokki tat-72 minuta logħob.