Mil-Lum Diffiċli Tiffalsifika L-Karta Tal-Identità Maltija… Aqraw Għaliex
Mil-lum, kull min iġedded jew japplika għall-Karta tal-Identità Maltija se tinħariġlu waħda ġdida li hija teknoloġikament avvanzata li tinkludi fiha numru ta’ security features ġodda, immirati biex iħarsu aħjar l-identità tal-persuna u jagħmluha aktar diffiċli biex tiffalsifika.
Pajjiżna hu fost l-ewwel pajjiżi membri li qed ivara dan id-dokument skont l-aħħar regolamenti maħruġa mill-Kummissjoni Ewropea. L-introduzzjoni tal-karta tal-identità l-ġdida tinkwadra fl-istrateġija diġitali tal-Gvern għaliex permezz tagħha d-detentur jista’ jibda jiffirma dokumenti b’mod diġitali kif ukoll jaċċessa u jivverifika l-awtentiċità tiegħu meta jagħmel użu minn numru ta’ servizzi governattivi online.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Identity Malta Anton Sevasta spjega kif id-dettalji tad-detentur se jkunu laser-engraved fuq materjal polycarbonate substrate bl-iswed u l-abjad, li hu materjal b’saħħtu ħafna fih innifsu u li jagħmilha ferm diffiċli biex id-dokument ikun imbagħbas mingħajr ebda traċċi ta’ attakk.
Il-Prim Ministru saħaq li quddiem it-theddida globali tal-iffalsifikar tad-dokumenti u s-serq tal-identità, pajjiżna għal darb’oħra qed ikun pro-attiv.
Il-bidla għall-karta tal-identità l-ġdida se tkun waħda gradwali u mhux se jkun hemm mass rollout. Karti tal-identità validi fiċ-ċirkolazzjoni jibqgħu tajbin sad-data ta’ skadenza tagħhom. Dawk eżistenti diġà jikkonformaw ma’ standards għoljin ta’ sigurtà, iżda dawk ġodda se jagħmlu użu mill-aħħar teknoloġija biex jipprevjenu aktar il-falsifikazzjoni tad-dokument.
Ritratt: DOI/ Jason Borg