Qatt Smajt Bih Għajn Abdul?
Il-Gżejjer Maltin huma magħrufin sew għas-sbuħija li joffru. Minn bajjiet mill-isbaħ, għal kultura rikka u storja mżewqa ta’ kull żminijiet.
Iżda minkejja li wieħed ikun ilu jgħix snin twal f’Malta, jew saħansitra ħajtu kollha, xorta jiġu mumenti fejn jintebaħ b’moħba ġdida li qatt ma sema’ biha.
Fost bosta żoni misjubin madwar pajjiżna, Għajn Abdul huwa post li mhux ħafna jafu dwaru. Kien proprju dawn l-aħħar snin li ntefa’ aktar dawl fuq iż-żona hekk kif bosta persuni bdew jieħdu ritratti għal fuq il-midja soċjali.
Għajn Abdul huwa post li jinsab fuq għolja f’Kerċem f’Għawdex fejn hu magħruf għall-ewwel persuni li żaru Għawdex u għamlu din iż-żon bħala r-residenza taghħom fl-għerien t’hemm.
Filfatt sejba ta’ fdalijiet ta’ fuħħar tmur lura 7,000 sena, bl-għerien għadhom jidhru sew sal-lum fejn sfortunatament għerien oħra fil-viċinanzi ma kellhomx l-istess xorti hekk kif spiċċaw meqruda għal kollox minn skavar li sar fiż-żona.
Illum il-ġurnata wieħed jista’ jżur iż-żona għal xi ritratt jew tnejn fejn jista’ jgawdi l-arja pura li toffri n-natura u serħan il-moħħ għal mixja sabiħa.