Raġel Minn Birżebbuġa Arrestat Wara Li Raw Tifel B’Senter Tal-Kaċċa

 Raġel Minn Birżebbuġa Arrestat Wara Li Raw Tifel B’Senter Tal-Kaċċa

Raġel ta’ 62 sena minn Birżebbuġia mistenni jitressaq il-qorti b’rabta ma’ rapport ta’ tifel li deher iżomm senter tal-kaċċa f’Birżebbuġa.

Il-każ seħħ għall-ħabta tas-sebgħa u kwart ta’ filgħodu meta l-Pulizija tal-Environmental Protection Unit (EPU) ġew infurmati minn membri tal-Kumitat Kontra l-Qtil tal-Għasafar (CABS) li fl-inħawi ta’ Triq il-Brolli, hemm persuna taħt l-età fil-pussess ta’ arma tan-nar.

Il-Pulizija marret mill-ewwel fuq il-post imma l-persuni involuti kienu laħqu telqu minn fuq il-post.

Wara analiżi tal-filmati u investigazzjonijet oħra, il-Pulizija tal-EPU identifikat lis-suspettat adult li dak il-ħin kien mal-minuri.
Għaldaqstant, il-Pulizija marru fid-dar tar-raġel fejn hemmhekk ġiet ikkonfiskata l-arma tan-nar li kienet f’idejn il-minuri.

Il-Pulizija qalet li r-raġel mistenni jitressaq il-qorti u jiġi mixli b’akkużi relatati ma’ dan il-każ filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com