Raġel Mixli Bi Stupru Jitlob Li Jiġi Assessjat Minn Psikjatra… L-Avukati Tiegħu Jgħidu Li Xxokkja Ruħu Meta Kien Arrestat
Raġel ta’ 49 sena li qed jistenna biex jgħaddi ġuri dwar stupru li seħħ 3 snin ilu talba li jiġi assessjat minn psikjatra biex jintefa’ dawl dwar il-qagħda mentali tiegħu.
Ir-raġel li ismu ma jistax jixxandar qiegħed jiġi mixli li stupra tifla ta’ 15-il sena. Huwa qiegħed isostnu li ilu snin ibati minn kundizzjonijiet ta’ saħħa mentali fosthom dipressjoni u ansjetà.
L-avukati tiegħu sostnew fil-qorti li dawn il-kundizzjonijiet flimkien max-xokk li ħa meta ġie arrestat, kellhom effett fuq il-qagħda mentali tiegħu meta ta stqarrijiet matul l-investigazzjonijiet.
Kien għalhekk li f’Lulju li għadda, il-Qorti Kriminali ppreseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera ntalbet taħtar psikjatra biex jassisti l-qagħda tal-akkużat anke meta ta l-istqarrija tiegħu lill-pulizija fl-2017.
Min-naħa tiegħu, l-Avukat Ġenerali staqsa dwar il-fatt li l-akkużat għażel li jqajjem din il-kwistjoni issa. Żied jingħad l-assessjar li qed jintalab ftit li xejn jista’ jitfa’ dawl fuq il-qagħda mentali tal-akkużat tliet snin ilu.
Fid-deċiżjoni tagħha l-qorti qalet li qabel tiddeċiedi taħtar jew le psikjatra, huwa xieraq li tisma’ l-psikjatra personali tal-akkużat dwar il-kundizzjoni tal-pazjent tiegħu.
Għaldaqstant, il-qorti ordnat lill-ispeċjalist biex jixhed fis-seduta li jmiss u tat jumejn żmien lill-akkużat biex jgħarrafha dwar kull psikjatra ieħor li jista’ jikkonsulta.