Ritorn Lura Lejn L-Iskola B’Differenza – Tkellimna L-MEP Miriam Dalli
L-ewwel kontribut tiegħi lejn dan is-sit ma jistax ma jkunx fuq ir-ritorn ta’ wliedna l-iskola, bl-eċitament, biżgħat u inċertezzi li din is-sena skolastika bla preċedent qed iġġib magħha.
Il-bibien tal-iskejjel ilhom magħluqa. Dan il-fatt waħdu naf kemm qed iqanqal ansjetà fost uliedna. Biex tkompli tikkomplika s-sitwazzjoni, iċ-ċirkostanzi huma stressanti anke għalina l-adulti. Tajjeb niftakru li uliedna jismghuna niddiskutu affarijiet bħat-tħassib dwar il-finanzi, tħassib dwar qraba vulnerabbli, jew diskussjonijiet dwar il-virus stess. Dan kollu jhalli impatt fuqhom anke jekk ma nirrealizzawx mal-ewwel.
L-iskola huwa l-post fejn uliedna jsibu refuġju, fejn jiġru u jilgħabu fil-grawnd, fejn jesprimu l-kreattività tagħhom, lil hinn mill-użu kostanti, jekk mhux eċċessiv, tat-teknoloġija. L-iskola huwa l-post fejn, jiġri x’jiġri, għandhom ċertezza li se tibqa’ hemm. Iżda minn Marzu li għadda, dik iċ-ċertezza tnaqqret ukoll.
F’dinja ideali, kollha kemm aħna nsegwu bil-pinna u l-klamar ir-rakkomandazzjonijiet tal-awtoritajiet tas-saħħa. Kieku dejjem sar hekk jew jibda jsir hekk b’mod immedjat, ikun possibbli nqattgħu sena skolastika ġdida bi ftit li xejn skossi.
Iżda r-realtà hi li jaf niġu f’ċirkostanza fejn ikollna bżonn nedukaw lill-uliedna mid-dar, jew almenu b’mod remot. Din hija sitwazzjoni li diġa’ ġrat; m’hu qed ngħid xejn ġdid.
Jekk niġu għal dak il-punt, hemm diversi affarijiet li rridu noqgħodu attenti għalihom. Qabel xejn tajjeb nirrealizzaw li mhux kulħadd għandu l-istess aċċess għat-tekonoloġija. Propju għalhekk li kienet tnehdiet l-iskema ta’ one tablet per child għal kull tifel u tifla fir-raba sena tal-primarja.
Immaġinaw familja bi tlett itfal u computer wieħed biss, f’ċirkostanza ta’ home schooling? Xi ħaġa hekk nistgħu nilqgħu għaliha billi nintroduċu skemi sabiex mhux biss kull familja, imma kull membru tal-familja li jmur l-iskola, ikollu aċċess għat-teknoloġija, inkluż l-internet, almenu fi żmien ta’ pandemija.
Barra minn hekk, teżisti tip ta’ inugwaljanza f’kemm hemm ħiliet marbuta mat-teknoloġija fil-familji tagħna. Tfal li għandhom bżonn isewgu lezzjonijiet online u jkunu ma’ membri tal-familja li ma jifhmux fid-dinja teknoloġika, m’humiex se jsibu għajnuna. Bl-istess mod, tfal b’ġenituri li m’humiex ‘IT-literate’ se jsibuha aktar diffiċli jsegwu minn tfal b’ġenituri li jistgħu jkunu ta’ għajnuna immedjata. Din l-inguwaljanza teknoloġika nistgħu nilqgħu għaliha billi nħarrġu lil ġenituri u kull min iħares lit-tfal fl-użu tat-teknoloġija. Din hija xi ħaġa li għandna naħdmu fuqha dejjem, mhux biss fi żmien ta’ pandemija.
Nemmen li l-edukazzjoni tal-ulied huwa eżerċizzju li jinvolvi komunità sħiħa. Qatt daqs illum ma nqis dan il-kliem importanti. Jeħtieġ li ħadd ma jitħalla barra minħabba nuqqas ta’ ħiliet jew nuqqas ta’ apparat teknoloġiku. Irridu nżommu f’moħħna li meta nħeġġu lin-nies ‘isegwu online’, hemm min m’għandux din il-possibilità. Il-konklużjoni hija ċara: meta niddiskutu soluzzjonijiet għall-pandemija, għandna ninkludu l-aċċess għat-teknoloġija u l-edukazzjoni dwarha.
Intemm bl-appell biex kull wieħed u waħda minnha isewgu bl-ikbar reqqa dak li qed jitolbu minnha l-aworitajiet edukattivi u l-awtoritajiet tas-saħħa. Il-fatt li din hija sitwazzjoni bla preċedent se jfisser li se jkun hemm protokols li jinbidlu, u jekk irridu lill-ulienda jkomplu jgawdu l-iskola kemm jistgħu, irridu nkunu flessibbli aħna wkoll. Aħna minn aħna: jekk hux għalliema, ġenituri, jew sidien ta’ negozji li nħaddmu ġenituri li ghandhom bzonn flessibilità minhabba l-mod kif l-iskejjel fejn imorru uliedhom qed joperaw.
Nemmen li bil-koperazzjoni ta’ kulħadd biss jista’ jkollna sena edukattiva ta’ suċċess għal uliedna.