Arrestat Wara Li Daħal Jisraq Minn Dar Ta’ Anzjan Fil-Ħamrun

 Arrestat Wara Li Daħal Jisraq Minn Dar Ta’ Anzjan Fil-Ħamrun

Raġel ta’ 46 sena mistenni jitressaq il-qorti fis-sigħat li ġejjin u jiġi mixli b’serqa minn dar ta’ anzjan ta’ 95 sena fil-Ħamrun.

Il-każ seħħ il-Ħadd li għadda għall-ħabta tal-3.45 p.m. meta l-Pulizija ġiet infurmata li seħħet serqa fi Triq Qrejten.

Mill-ewwel stħarriġ, irriżulta li raġel ħabbat il-bieb tad-dar tal-anzjan u għamel ta’ biruħu li kien inkarigat jiġbor xi flus. Huwa daħal ġewwa u kif l-anzjan kien qed jagħtih il-flus, ħataflu l-basket u ħarab.

L-investigazzjonijiet baqgħu għaddejin u lbieraħ, ir-raġel ġie arrestat u ttieħed fil-lock-up tal-Pulizija, il-Furjana, għal aktar investigazzjonjiet.

Ir-raġel mistenni jitressaq il-Qorti llum quddiem il-Maġistrat, Dr Nadine Lia b’akkużi relatati ma’ dan il-każ, fost oħrajn.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com