Bagħtilha 14,000 Email Wara Li Ltaqa’ Magħha Darbtejn

 Bagħtilha 14,000 Email Wara Li Ltaqa’ Magħha Darbtejn

Amerikan ta’ 35 sena nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat li ffastidja mara Maltija u li ħolqilha biża’ li se tintuża l-vjolenza fuqha fost oħrajn.

Jeremiah Joshua Jarrett qal lill-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Ian Farrugia li ma riedx ikun irrappreżentat minn avukat. Il-Prosekuzzjoni spjegat kif il-każ beda lura fl-2015 meta l-akkużat ltaqa’ mal-mara għal darbtejn. Wara li l-mara ndunat li kien hemm xi ħaġa mhux normali fl-imġieba tar-raġel, hi ma xtaqitx tibqa’ tiltaqa’ miegħu. Iżda Jarrett baqa’ jinsisti sakemm fl-2017 spiċċa l-Qorti u nstab ħati fuq fastidju, bl-Amerikan ġie mibgħut lura fl-Amerika.

L-akkużat saħansitra anke mill-Istati Uniti baqa’ jibgħat ammont kbir ta’ emails fejn darba minnhom bagħtilha email li kien ġej Malta fit-2 ta’ Ottubbru bil-mara nfurmat lill-Pulizija.

Ġara li jumejn ilu l-mara kienet miexja mas-sieħeb tagħha u spiċċat wiċċ imb’ wiċċ mal-akkużat fejn hemm qam argument wara li talabha xi ċurkett u karti li allegatament kien taha.

Il-Prosekuzzjoni spjegat kif mill-mowbajl tal-akkużat irriżulta li kien hemm minn tal-inqas 14,000 email li kien bagħat lill-mara. L-akkużat talab għall-ħelsien mill-arrest. bil-Qorti ċaħdet din it-talba.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com