Bernard Grech Jgħid Li L-PN Mhux Dixxiplinat Biex Jaħbi T-Tnawwir

 Bernard Grech Jgħid Li L-PN Mhux Dixxiplinat Biex Jaħbi T-Tnawwir

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li għall-kuntrarju tal-Partit Laburista, “għadna m’aħniex daqshekk iddixxiplinati li naħbu t-tnawwir li jista’ jkun hemm fil-partit”.

Grech qal dan waqt li dalgħdou kien qed jiġi intervistat fil-breakfast show li jixxandar fuq l-istazzjon nazzjonali TVM.
Mistoqsi dwar nies li telqu mill-PN wara l-ħatra tiegħu bħala kap tal-partit, Bernard Grech qal li diġà hemm numru ta’ persuni li ġew lura. Żied li kien hemm bosta li rtiraw ir-riżenja tagħhom mill-partit u saħansitra stqarr li “qed jiġu magħna Laburisti mdejqin bis-sitwazzjoni li hemm fil-Partit Laburista.”

Dwar l-ex Kap Nazzjonalista Adrian Delia, Bernard Grech qal li dan għandu x’jikkontribwixxi kif qal li kkontribwixxa fl-aħħar laqgħa tal-grupp parlamentari Nazzjonalista fejn qal li ra rispett anke bejn dawk deputati li fil-pubbliku kienu għadhom qed jidhru f’konfront f’xulxin. Mistoqsi xi rwol jara li għandu jkollu Delia fil-partit, Grech qal li Delia diġà għandu rwol ta’ deputat u dan irid jgħaddi minn tranżizzjoni ta’ kap għal deputat u għas-sitwazzjoni li qiegħed fiha llum.
Meta mistoqsi meta bi ħsiebu jaħtar ix-Shadow Cabinet tiegħu issa li għaddew tmint jiem mill-ħatra tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li “m’hemmx għaġla”. Huwa assigura li għandu pjan u jaf x’qed jagħmel. “Irridu nibnu bil-mod. L-ewwel tlesti l-pedamenti tad-dar imbagħad tibniha, imbagħad fl-aħħar wara li tlestiha kollha biex tagħlaqha tagħmel il-membrane fuq nett. Ma nistgħux nitkellmu fuq il-membrane meta nkun għadni qed nibni l-ġebel tad-dar”, qal il-Kap tal-Oppożizzjoni.

Huwa żied jgħid li ma jagħmel parti mill-ebda fazzjoni fil-Partit Nazzjonalista.
Dwar is-sitwazzjoni tal-Covid-19 u x’kien jagħmel differenti hu li kieku kien Prim Ministru, Grech qal li ma kienx jigdeb lill-poplu kif għamel il-Prim Ministru u kien jgħidlu l-verità. Waqt li tenna li ma jaqbilx ma’ lockdown, iżda tenna li għandha tissejjaħ emerġenza nazzjonali.

Il-Kap Nazzjonalista temm jgħdi li l-poplu Malti lest jagħmel is-sagrfiċċji billi xorta jibqa’ barra, jmur għax-xogħol, jiekol fir-restoranti u jibgħat it-tfal l-iskola. Imma jrid ikollna tassew infurzar u miżuri li jagħmlu sens. Qal li ma jistax ikollna sitwazzjoni fejn it-test tal-Covid idum jumejn biex joħroġ ir-riżultati tiegħu u dan qal li huwa tort ta’ nuqqas ta’ investiment li sar mill-Gvern fil-qasam tas-saħħa.

Mistoqsi dwar il-budget, il-Kap Nazzjonalista qal li dan irid ikun ibbażat fuq ekonomija li taħdem għan-nies u li tolqot lil kulħadd. Huwa żied jgħid li ma jistax ikun li f’seba’ snin, Gvern Laburista bena skola ġdida waħda biss u għalhekk il-Gvern mhux jagħti kas lill-istudenti. Qal li għall-kuntrarju, taħt Gvern Nazzjonalista kienet tinfetaħ skola kull sena.

Dwar l-elezzjoni ġenerali li jmiss, il-Kap Nazzjonalista qal li l-Partit Nazzjonalista diġà qed jipprepara u għandu pjan u strateġija. Huwa żied jgħid li jekk il-Prim Ministru se jmur jiġri għand il-mummy biex jagħmel elezzjoni malajr, din tkun it-tieni darba f’seba’ snin li jkollna prim ministru Laburista li jmur għall-elezzjoni kmieni. Qal li dan ifisser li bil-PL m’hemmx stabbiltà u malli jar s-surveys li qed jinkwetawh imur jiġri għall-elezzjoni.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com