Bil-Filmat: X’Ġara Fil-Palazz Ta’ San Anton?

 Bil-Filmat: X’Ġara Fil-Palazz Ta’ San Anton?

Minn din is-sena, l-Uffiċċju tal-President flimkien mal-Istazzjon Nazzjonali TVM ser jniehdi sensiela kulturali ġdida bl-isem ta’ Mill-Palazz.

Din is-sensiela kulturali ġdida hi mnebbħa mill-istorja tal-palazz ta’ San Anton iżda mhux biss. L-għan tagħha hu li twassal aspetti tal-kultura Maltija b’mod speċjali t-talent mużikali u l-letteratura Maltija.

Il-format hu pjuttost innovattiv – kollox jseħħ bejn il-ħitan tal-palazz ta’ San Anton hekk kif l-palazz jirrakkonta ġrajjietu, dawk li żaruh u l-wirt kulturali tiegħu. Jippreżenta wkoll lit-talent mużikali Malti u s-siltiet tal-letteratura Maltija.

Il-mużika hi ppreżentata minn talent Malti żagħżugħ li bħalissa għaddej bl-istudji tiegħu barra minn Malta jew għadu kemm temmhom. Kienet okkkazjoni unika biex dan kollu jseħħ għaliex bosta minnhom kienu Malta waqt il-pandemija tal-Covid-19.

Is-siltiet tal-letteratura Maltija li ser jinqraw huma taħlita ta’ awturi klassici u oħrajn aktar moderni. L-għażla saret bil-ħsieb li jinqraw siltiet inqas magħrufa jew awturi li forsi ntesew xi ftit maż-żmien. Din is-sensiela ta’ 39 episodju hi maħsuba biex tressaq udjenza Maltija lejn għarfien dwar l-istorja ta’ Malta permezz tal-palazz ta’ San Anton, tiċċelebra l-identità Maltija u tixpruna apprezzament dwar dan il-palazz storiku li hu wkoll ir-residenza uffiċċjali tal-President ta’ Malta.

Dan huwa proġett tal-Uffiċċju tal-President ta’ Malta bil-kunċett żviluppat minn Sandro Debono.

Ritratt: Unravel Malta

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com