Erba’ Atleti Maltin Ser Jipparteċipaw Fil-Kampjonati Dinjija Tan-Nofs Maratona
Erba’ atleti Maltin ħallew Malta għal Gydnia, fil-Polonja, fejn nhar is-Sibt se jieħdu sehem fil-Kampjonati Dinjija tan-Nofs Maratona.
Lisa Bezzina, Joelle Cortis, Charlton Debono u Stefan Azzopardi se jkunu qed jirrappreżentaw lill-pajjiżna f’dan l-avveniment ta’ darba f’sentejn li oriġinarjament kien skedat għal aktar kmieni din is-sena, iżda li kien ġie pospost minħabba l-pandemija tal-coronavirus.
Id-delegazzjoni hi mmexxija minn Andy Grech, President ta’ Athletics Malta, akkumpanjat milll-Endurance Coach tat-Tim Nazzjonali, Ivan Rozhnov.
Dawn l-atleti se jkunu qed jiġru d-distanza ta’ 21.1k flimkien ma’ wħud mill-aqwa talent madwar id-dinja, fosthom Joshua Cheptegei tal-Uganda, li fl-aħħar tliet xhur kiser żewġ rekords dinjija fuq id-distanzi ta’ 5 u 10 kiometri. Fost in-nisa, Netsanet Gudeta, se tkun qed tiddefendi it-titlu li rebħet sentejn ilu f’Valencia.
Bi tħejjija għal dan l-avveniment, l-erba’ atleti ħadu sehem f’kamp ta’ taħriġ ta’ tliet ġimgħat fil-muntanji f’Font Romeu, fi Franza, biex ikun żgurat li huma jingħataw preparazzjoni professjonali għal dan l-appuntament importanti.
Minħabba l-pandemija tal-coronavirus, kontra dak li jiġri s-soltu, se jkunu jistgħu jieħu sehem biss atleti elite, filwaqt li t-tiġrija miftuħa għall-pubbliku ġiet kanċellata. Madankollu, World Athletics (WA) qed tħeġġeġ lid-dilettanti kollha tal-ġiri biex jiġru nofs maratona fis-17 ta’ Ottubru. Dan jista’ jsir permezz ta’ reġistrazzjoni elettronika, mingħajr ħlas, fuq AllYouNeedIsRunning.com.
Ritratt: MAAA