F’Malta Għandna Żeffiena Li Jagħmlu Suċċess… Niltaqgħu Ma’ Benjamin Spiteri

 F’Malta Għandna Żeffiena Li Jagħmlu Suċċess… Niltaqgħu Ma’ Benjamin Spiteri

F’pajjiżna, donna ma nisimgħux spiss dwar il-qasam taż-żfin. Spiss nisimgħu dwar kantanti u anke talenti oħra, iżda ż-żfin donnu li xi kultant ninsewh. Tkellimna ma’ Benjamin Spiteri…

Benjamin għandu 16-il sena u beda ż-Żfin Klassiku fl-età ta ’11-il sena wara li ġie introdott fid-dinja taż-żfin wara kuntatt ma’ diversi għalliema taż-żfin. It-taħriġ tiegħu kien jinkludi ballet klassiku, jazz, żfin modern u kontemporanju, u Hip Hop.

Ms Tanya Bayona kienet kruċjali fir-rieda tiegħu li jkompli l-istudji taż-żfin tiegħu f’dak li hu Żfin Klassiku kemm lokalment kif ukoll barra minna Malta. Huwa attenda bosta korsijiet u master classes intensivi biex jissokta fit-taħriġ tiegħu u jasal għall-livell tax-xena internazzjonali.

Fis-snin li għaddew Benjamin ħa sehem f’diversi programmi mtellgħin ħalli jkun jista’ jżomm ruħu aġġornat ma’ dak li ż-żfin jitlob attwalment. Bħalissa, huwa student fis-Seed Dance Studios, taħt id-direzzjoni ta’ Marisha Bonnici.

Wara proċess rigoruż ta’ audition, Benjamin ġie aċċettat u offrut post biex jistudja fi 3 skejjel differenti fir-Renju Unit u fl-Ewropa. Huwa għażel li jkompli l-istudji tiegħu taż- żfin klassiku fl-‘Elmhurst Ballet School’;assoċjazzjoni mal-‘Birmingham Royal Ballet’, fir-Renju Unit.

Benjamin jgħid “L-għan tiegħi huwa li nuża dak kollu li tgħallimt s’issa u nkompli niżviluppa il-ħiliet tiegħi b’taħriġ vokazzjonali full-time. Nispera li nibqa’ nikber bħala żeffien u nkun kapaċi nuża din l-esperjenza biex inkun nista’ nkompli l-istudji tiegħi taż-żfin sabiex nilħaq livell professjonali. Li għandi f’moħħi huwa li jkolli karriera bħala
żeffien professjonali u nemmen li permezz tar-rieda u d-determinazzjoni tiegħi nista’ nasal għal dak li qed nimmira għalih. B’hekk, nittama li għad jasal il-jum li nkun ilħaqt il-livell fejn nista’ nuża dak kollu li tgħallimt biex inrawwam u narrikkixxi r-relazzjoni tiegħi mal-udjenzi taż-żfin permezz taż-żfin tiegħi.”

Il-kors ta’ studju fl-‘Elmhurst Ballet School’ f’assoċjazzjoni mal-‘Birmingham Royal Ballet’ huwa ta’ taħriġ full-time ‘on site’ li joffri lill-istudenti l-abbiltà li jistudjaw għal Performing Arts Diploma, Livell 6, fi Żfin Professjonali vvalidat mit-‘Trinity College, London’. Il-kors beda fis-7 ta’ Settembru 2020 u jieħu 3 snin.

Minn StradaRjali.com, Awguri Benjamin

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com