IllumTiftaħ L-Ewwel Lukanda 5 Stilel Superjuri F’Malta

 IllumTiftaħ L-Ewwel Lukanda 5 Stilel Superjuri F’Malta

Hyatt Regency Malta, lukanda bi brand internazzjonali mil-lum tista’ uffiċjalment tiftaħ il-bibien tagħha f’San Ġiljan wara li matul dawn l-aħħar xhur għamlet investiment ta’ €45 miljun.

Dan wara li ngħatat il-liċenzja biex topera mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu. Fl-ispezzjonijiet li saru mill-awtorità, il-Hyatt Regency issuperat mhux bi ftit il-livell meħtieġ biex topera bħala lukanda ta’ ħames stilel, u għaldaqstant ingħatat ċertifikat biex tibda topera fi klassi għola, preċiżament bħala lukanda ta’ ħames stilel superjuri.

Dan iċ-ċertifikat ġie ppreżentat mill-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli lit-tmexxija tal-lukanda.

Il-lukanda Hyatt Regency Malta, li għandha madwar 150 kamra, impjegat diġà aktar minn 100 ħaddiem. Il-Hyatt International Group għandha mijiet ta’ lukandi rinomati madwar id-dinja u din il-lukanda hija l-aktar lukanda ġdida tagħhom u qed tingħata importanza kbira fuq livell internazzjonali.

Albert Galea Kap Eżekuttiv tal-Baystreet Group esprima s-sodisfazzjon tiegħu f’isem it-tmexxija ta’ Baystreet Group, u stqarr li jinsab onorat li l-grupp ingħata rikonoxximent ta’ klassifikazzjoni superjuri anke fuq il-lukanda fil-kumpless fejn ġiet promossa minn lukanda ta’ 4 stilel għal lukanda ta’ 4 stilel superjuri.

Dan jirrifletti l-investiment multi-miljunarju li għamlet kemm il-lukanda kif ukoll il-kumpless ta’ Baystreet waqt il-perjodu ta’ Covid-19.

It-tmexxija tal-grupp Baystreet irrimarkat il-fatt li matul il-ftuħ mill-ġdid tal-lukanda mindu tnaqqsu r-restrizzjonijiet sa issa, kellhom okkupanza medja ta’ madwar 68%.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com