Għandu 94 Sena… Ra D-Dinja Tinxef Quddiemu

 Għandu 94 Sena… Ra D-Dinja Tinxef Quddiemu

X’aktarx m’hawn ħadd fid-dinja li kellu x-xorti jgħix ħajja mimlijja b’esperjenzi bħal ta’ Sir David Attenborough. Ix-xandar tal-BBC meqjus bħala l-vuċi ta’ serħan il-moħħ, fin-narrazzjoni tad-dokumentarji dwar in-natura sa mill-bidu tal-eżistenza tagħhom. Fl-età ta’ għoxrin sena, Attenborough telaq biex jesplora l-globu u minn dakinhar sa llum, għadu jxandar l-għeġubijiet tad-dinja naturali lill-pubbliku.

Attenborough issa għandu 94 sena, u matul il-ħajja twila tiegħu, ra d-dinja naturali tinxef quddiem għajnejh!

B’din ir-realta’ tiġri madwaru, ma ħassux komdu jibqa kwiet u ma jistqarrx il-verita’ li jaf lil istess poplu li matul is-snin, irnexxilu jeqred parti sostanzjali min-natura u mill-ħajja selvaġġa.

F’dan id-dokumentarju naraw kif il-bniedem ma rnexxilux jsib il-bilanċ meħtieġ biex jgħix man-natura u jħalliha tkompli tipproduċi għal ġenerazzjonijiet ta’ warajna. L-egoiżimu tal-bniedem, tant huwa kbir li ma fehemx kif taħdem in-natura u għalhekk qeridha, f’ċertu każijiet, b’mod irreparabbli.

Illum, fl-2020, l-iskala tal-problema tant hija kbira, tant hija enormi, li jista’ jkun diffiċli biex tassorbieha u biex tikkomunika permezz ta’ dokumentarju wieħed biss!

‘A Life on Our Planet’ bl-ispjegazzjoni eċċellenti u filmati minn episodji u snin differenti li għex Attenborough, irnexxielu jumanizza kwistjoni li ħafna drabi tista’ tidher imbiegħda u kemmxejn astratta.

Attenborough jixhed il-fatt li ammont sinifikanti ta’ ħajja selvaġġa ntilfet għal dejjem. Iżda fiħ ukoll stampa oħra ta kif nistgħu nsalvaw lil din il-pjaneta’ u għalhekk jiffoka mhux biss fuq futur maħruq, iżda fuq dinja restawrata.

Is-selvaġġ mill-ġdid jidher ewlieni, filwaqt li ċerti xjenzati jiffokaw fuq soluzzjonijiet teknoloġiċi bħall-qbid tal-karbonju u dwar kif in-natura għandha s-sistemi regolatorji tagħha li huma lesti biex jgħinuna nindirizzaw il-problema.

Il-ġungli u l-foresti tropikali tad-dinja, ippakkjati b’abbundanza ta’ ħajja kważi immaġinabbli, għandhom jitqiesu bħala sagri, sempliċement bl-eżistenza tagħhom u l-fatt li jaqbdu l-karbonju b’mod effettiv u naturali, jagħmilhom assolutament vitali għall-futur tagħna.

‘A Life on Our Planet’ ma jitrattax l-element politiku ta’ din il-problema. Ir-regħba bla waqfien u t-talbiet manifatturati tal-kapitaliżmu bilkemm jissemmew.

L-iskop veru tad-dokumentarju huwa li jenfasizza l-iskala tal-problema, iwissi dwar il-konsegwenzi u fl-aħħar jinstalla sens ta’ tama.

Nikkonkludi li ‘A Life on Our Planet’ għamel dan b’suċċess kbir. Hemm dawl fuq l-orizzont li jista’ jidher qisu nirien fil-foresti, imma nisperaw li huwa l-bidu ta’ era ġdida u ta’ kuxjenza ambjentali.

Inħeġġek tara dan id-dokumentarju sabiex tifhem aktar!

Dan huwa l-ewwel minn sensiela ta’ artikli li ser inkun qed nikteb dwar l-ambjent u l-bidla fil-klima, f’din l-esperjenza eċitanti fuq StradaRjali.com

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com