Għandu Jitneħħa L-Monument Tal-Għoqda Ta’ Quddiem Kastilja?

 Għandu Jitneħħa L-Monument Tal-Għoqda Ta’ Quddiem Kastilja?

F’pajjiżna insibu numru ta’ monumenti li sa minn mindu twaqqfu ġabu magħhom kontroversja liema bħalha. Is-sbuħija fl-arti hija suġġettiva ħafna u mhux kulħadd jara r-riżultat finali ta’ l-espressjoni artistika tal-artist mill-istess angolu.

Madanakollu jidher li l-monument ‘Għoqda’ li hemm quddiem il-Berġa ta’ Kastilja sa mit-twaqqif tiegħu ġab kritika kbira fost il-maġġoranza tal-poplu Malti, b’ħafna jkunu dawk li jitolbu sabiex jitneħħa, kemm għaliex forsi id-dehra tiegħu hija waħda partikolari kif ukoll għaliex uħud isostnu li hu goff wisq għall-pjazza li jinsab fiha.

Dan il-monument kien twaqqaf fi pjazza Kastilja lura għal 2015 meta f’pajjiżna kien sar summit bejn pajjiżi Ewropej u dawk Afrikani sabiex tkun riżolta l-problema tal-immigrazzjoni. Liema problema sa minn dak iż-żmien li hawn pajjiżna u oħrajn fir-reġjun tal-Mediterran għadhom jaffaċċjaw u li s’issa ftit li xejn kien hemm progress wisq anqas rieda ta’ unjoni bejn il-pajjiżi f’dan ir-rigward.

Għalhekk wieħed jistaqsi s-simbolu u r-relevanza ta’ dan il-monument għadhom relevanti llum il-ġurnata? Pjazza ta’ daqstant importanza f’pajjżna għandha tkun mgħonija b’monumenti li jġorru magħhom storja ta’ glorja?

Il-monument ‘Għoqda’ kif iġib ismu, kien sewa €277,152 u ġie ddisinjat mill-artist Vince Briffa. Minn din is-somma l-artist kien ħa inqas minn 4% tal-ispiża totali.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com