Grupp Ta’ Immigranti Rilokati Lejn Il-Ġermanja

 Grupp Ta’ Immigranti Rilokati Lejn Il-Ġermanja

Dalgħodu grupp ta’ immigranti ġew rilokati minn Malta lejn il-Ġermanja wara ftehim bejn iż-żewġ pajjiżi. Dan l-eżerċizzju ġie kkordinat mill-Kummissjoni Ewropea bħala parti minn inizjattiva maħsuba biex tnaqqas mill-piż tal-immigrazzjoni minn fuq Malta.

Ir-rilokazzjoni setgħet isseħħ wara li saru l-preparamenti neċessarji mill-Ministeru għall-Intern, Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi u l-Ambaxxata Ġermaniża f’Malta. Ir-rilokazzjoni ta’ dan il-grupp ta’ immigranti qed issir ftit ġimgħat biss wara grupp ieħor ta’ immigranti ħalla Malta lejn Franza. F’dawn l-istanzi l-immigranti jkunu jistgħu jkomplu l-proċess tal-ażil fil-pajjiż li jkunu ġew rilokati fih.

Aktar rilokazzjonijiet ta’ immigranti lejn Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea huma pjanati li jsiru fiż-żmien li ġej. Fl-istess waqt il-Gvern kompla għaddej bil-ħidma tiegħu biex immigranti li ma jkunx ħaqqhom protezzjoni f’pajjiżna jiġu rritornati lura lejn il-pajjiż tal-oriġinu tagħhom. Fid-dawl tal-isfidi kbar li jġib miegħu r-ritorn ta’ immigranti rregolari, il-Gvern qed jagħti prijorità akbar u aktar riżorsi lil dan is-settur.

Hekk kif bħalissa għaddejjin in-negozjati fuq il-Patt il-Ġdid tal-Unjoni Ewropea dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil, il-Gvern Malti jtenni l-importanza li tibqa’ tissaħħaħ il-koperazzjoni ma’ pajjiżi ta’ tranżitu sabiex jitħarbat in-negozju tat-traffikanti tan-nies u jitnaqqsu aktar il-wasliet.

Bħala parti minn din il-ħidma wkoll fl-aħħar jiem l-awtoritajiet Maltin kisbu riżultati importanti meta qabdu kontejners mimlija dgħajjes li allegatament kienu se jintużaw għal din it-tip ta’ attività llegali.

Ritratt: DOI/ Jason Borg

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com