Ġunju L-Aktar Xahar Li Ntalbet Għajnuna Legali Dwar Vjolenza Domestika
Ix-xahar ta’ Ġunju kien l-aktar xahar li ntalbet l-għajnuna ħolistika li qed tiġi pprovduta lill-vittmi jew allegat vittmi ta’ vjolenza domestika.
Dan hekk kif wara li nbeda servizz ta’ għajnuna legali lura fis-26 ta’ April, numru ta’ persuni li sfaw vittmi jew allegat vittmi ta’ vjolenza domestika ngħataw l-għajnuna li għandhom bżonn mill-bidu kif jagħmlu r-rapport sal-aħħar meta jerġgħu jirritornaw lura għall-ħajja normali fil-komunitá.
Minn meta beda jingħata dan is-servizz, fis-26 ta’ April sat-2 ta’ Ottubru, 135 vittma jew allegat vittma tal-vjolenza domestika ġew assenjati avukat sabiex itihom il-pariri meħtieġa.
Xahar
|
Numru
|
April (mis-26 April)
|
3
|
Mejju
|
22
|
Ġunju
|
41
|
Lulju
|
32
|
Awwissu
|
14
|
Settembru
|
18
|
Ottubru (sat-2 Ottubru)
|
5
|
Ġunju kien l-aktar xahar li ntuża dan is-servizz b’madwar 41 każ, filwaqt li Lulju segwih 32 każ. Dan ħareġ minn mistoqsija Parlamentari li saret minn Beppe Fenech Adami indirizzata lill-Ministru Edward Zammit Lewis.
Intant dan il-proċess jibda mill-mument li l-vittma tirrapporta r-reat u jibqa’ għaddej sa meta l-persuna tkun lesta biex terġa’ toħroġ fis-soċjetà u tkompli bil-ħajja tagħha ta’ kuljum.
Il-proċess kollu se jibda għand il-Pulizija ta’ Malta, fejn se jkunu responsabbli li joffru l-ewwel sapport lill-vittmi, eżattament meta r-reat ikun ġie rrappurtat lilhom. Dawn filwaqt li jagħtu l-għajnuna neċessarja, se jkunu qed jirreferu lill-vittmi lil Legal Aid Malta.
Min-naħa tagħha din se tkun qed tipprovdi għajnuna legali u tagħrif lill-vittmi ta’ vjolenza domestika. Legal Aid se tkun qed tkopri wkoll l-ispejjeż relatati ma’ din l-għajnuna legali, inkluż ħlas lill-avukati speċjalizzati fis-settur.
L-FSWS se tkun l-aħħar pass għal dawn il-vittmi, fejn wara l-proċess ta’ pulizija u ta’ għajnuna legali, din se tkun qed toffri s-sapport u l-għajnuna tagħha lill-vittmi, bil-għan li dawn il-persuni jkunu kapaċi jerġgħu jintegraw lilhom infushom u maż-żmien anke jkomplu bil-ħajja normali tagħhom fis-soċjetà.