“Ieqaf Ivvinta U Igdeb Dwari” – Delia Lil Jason Azzopardi
L-ex Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kellu klieb iebes għad-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi u qallu biex jieqaf jivvinta u jigdeb dwaru. Fl-istess waqt sostna li jekk Azzopardi jrid jagħmel skrutinju, għandu jibda bih innifsu.
Delia qal dan b’reazzjoni għal kitba li tella’ Jason Azzopardi fuq il-profil tiegħu ta’ facebook fejn semma xi laqgħat li l-ex Kap Nazzjonalista kellu mal-Prim Ministru Robert Abela f’Kastilja.
Dan fl-isfond tal-kontroversja li nqalgħet fl-aħħar sigħat dwar l-istedina li l-Prim Ministru għamel lill-Kap Nazzjonalista biex jiltaqa’ miegħu fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun. Laqgħa li saret illum fl-uffiċċju tal-Prim Ministru fil-Parlament.
Azzopardi fakkar f’żewġ okkażjonijiet li fihom il-Prim Ministru ltaqa’ f’Kastilja mal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia. Qal li dan seħħ erbat ijiem qabel The Sunday Times of Malta ħarġet l-istorja ta’ ċertu messaġġi bil-Whatsapp fl-2019.
Mingħajr ma semma ismu, dawn il-messaġġi kienu f’allegata chat bejn Adrian Delia u Yorgen Fenech.
Jason Azzopardi semma wkoll li fit-tieni nofs ta’ Awwissu, bidu ta’ Settembru, il-Prim Ministru ltaqa’ iktar minn darbtejn mal-Kap tal-Oppożizzjoni. Hawnhekk staqsa għala issa qed issir differenza mal-Kap tal-Oppożizzjoni l-ġdid.
“Insomma, m’hemmx għalfejn tispjega. Nafu għala”, temm jgħid Azzopardi b’referenza ċara għal Adrian Delia.
B’reazzjoni, Delia qal lil Jason Azzopardi li jekk mingħalih se jipprova jġelldu mal-Kap Nazzjonalista Bernard Grech se jfallilu.
“Il-ħsara li tibqa’ tagħmel lill-Partit Nazzjonalista qed jaraha u jagħrafha kulħadd. Tibqax tivvinta, ieqaf igdeb. U jekk trid tagħmel skrutinju, ibda bik innifsek”, temm jgħid Delia lil Azzopardi.