Il-KE Bi Proċeduri Ta’ Ksur Dwar Programmi Ta’ Ċittadinanza B’Investiment
Il-Kummissjoni Ewropea fetħet proċeduri ta’ ksur kontra Ċipru u Malta dwar l-iskemi tagħhom ta’ ċittadinanza b’investiment, imsejħa wkoll skemi tal-“passaporti tad-deheb”.
Il-Kummissjoni tqis li l-għoti, minn dawn l-Istati Membri, tan-nazzjonalità tagħhom, u b’hekk taċ-ċittadinanza tal-UE bi skambju għal pagament jew investiment determinat minn qabel u mingħajr rabta ġenwina mal-Istati Membri kkonċernati, mhuwiex kompatibbli mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.
Qalet li dan idgħajjef ukoll l-integrità tal-istatus taċ-ċittadinanza tal-UE.
Il-Kummissjoni Ewropea żiedet tgħid li minħabba n-natura taċ-ċittadinanza tal-UE, skemi bħal dawn għandhom implikazzjonijiet għall-Unjoni b’mod ġenerali.
Żiedet li meta Stat Membru jagħti ċ-ċittadinanza, il-persuna kkonċernata awtomatikament issir ċittadin tal-UE u tgawdi mid-drittijiet kollha marbuta ma’ dan l-istatus, bħad-dritt li tiċċaqlaq, tgħix u taħdem liberament fl-UE, jew id-dritt li tivvota fl-elezzjonijiet muniċipali kif ukoll fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.
Konsegwentement, żiedet tgħid li l-effetti tal-iskemi ta’ ċittadinanza b’investiment la huma limitati għall-Istati Membri li joperawhom, u lanqas ma huma newtrali fir-rigward ta’ Stati Membri oħra u tal-UE kollha kemm hi.
Qal li l-pass li jmiss huwa li l-Gvernijiet Ċiprijotti u Maltin għandhom xahrejn biex iwieġbu għall-ittri ta’ intimazzjoni. Żied li jekk it-tweġibiet ma jkunux sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista’ toħroġ Opinjoni Motivata dwar din il-kwistjoni.