Il-Kummissarju tat-Tfal Bi Kliem Ċar lill-Unions tal-Għalliema – “Żommu Lura”
L-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal talbet lil dawk kollha involuti fl-edukazzjoni biex iżommu lura u jħallu lill-awtoritajiet tas-saħħa pubbliku jiddeċiedu x’miżuri għandhom jittieħdu meta jfeġġ xi każ ta’ Covid-19 fl-iskejjel.
Qalet li huwa dawn l-awtoritajiet li għandhom id-dritt esklussiv u r-responsabbiltà li jieħduhom.
L-uffiċċju qal dan fl-isfond tat-theddida li ħarġet il-Union of Professional Educators biex jingħalqu minnufih l-iskejjel kollha statali. Dan wara li allegaw li edukatur li laqqat il-virus għaddih lill-ġenituri tiegħu li huma vulnerabbli.
Fi stqarrija, il-Kummissarju għat-Tfal tenniet il-pożizzjoni tagħha dwar il-jedd li kull tifla u tifel għandu jkollu garanzija ta’ edukazzjoni ta’ kwalità anke fi żmien il-pandemija.
L-istess bħalma huma u l-għalliema għandhom id-dritt għas-saħħa.
Qalet li l-edukazzjoni u s-saħħa huma żewġ drittijiet fundamentali li għandna nipprovdu għalihom l-istess f’din is-sitwazzjoni.
“Il-kwalità fl-edukazzjoni qatt ma għandha titħalla tbati meta jittieħdu miżuri ta’ sigurtà tas-saħħa
sew jekk l-edukazzjoni qiegħda tingħata l-iskola bit-tfal preżenti jew inkella b’mod remot fid-dar”, qalet il-Kummissarju għat-Tfal.
Ritratt: The Malta Independent