Il-Perjodu Ta’ Riċerka Fuq Is-Seba’ Speċi Tal-Għasafar Tal-Għana, Jiftaħ Għada T-Tlieta
Il-Gvern, permezz tal-Ministeru għal Għawdex, qiegħed iħabbar li l-perjodu ta’ riċerka fuq il-verdun, gardell, ġojjin, apparell, sponsun, ekru u taż-Żebbuġ se jiftaħ minn nhar it-Tlieta 20 t’Ottubru 2020 u jibqa’ miftuħ sal-20 ta’ Diċembru 2020, iż-żewġ dati inklużi.
Kull għasfur tal-għana li jinqabad jiġi ċċekkjat għandux ċurkett xjentifiku u kull għasfur irid jitħarrab immedjatament. Jekk ma jkollux ċurkett xjentifiku jitħarrab immedjatament mingħajr ma jiġi rrappurtat, filwaqt li jekk ikollu ċurkett xjentifiku jitħarrab immedjatament wara li d-dettalji tiegħu jitniżżlu fuq il-formola taċ-ċrieket maħruġa f’isem in-nassab li rċieva mal-liċenzja speċjali.
Il-formoli taċ-ċrieket u l-kalendarju bid-dati meta n-nassab ħa sehem fir-riċerka jridu jiġu rritornati kollha lura lill-MaltaPost skont kif ser ikun indikat f’ittra li n-nassaba kollha se jirċievu f’Jannar 2021, anke jekk in-nassab ma jkunx qabad tal-għana b’ċurkett xjentifiku jew ma setax jipparteċipa f’din ir-riċerka.
Il-Ministeru għal Għawdex ifakkar li huwa fl-interess tan-nassaba li jkunu familjari mal-kontenut kollu tal-ittra reġistrata li rċivew, speċjalment mal-kundizzjonijiet kollha tal-liċenzja speċjali.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, filwaqt li qal li jħares ’il quddiem għall-ewwel staġun ta’ ricerka tax-xorta tiegħu, fakkar li l-ebda għasfur tal-għana tal-passa li jinqabad ma jista’ jinżamm.
Ritratt: Gozonews.com