Il-PL Jgħid Li Gvern Laburista Ppreżenta L-Aqwa Baġit Fl-Istorja Ta’ Pajjiżna
Il-baġit 2021 huwa l-aqwa baġit li qatt tressaq fl-istorja ta’ pajjiżna.
Hekk sostna l-Partit Laburista fi stqarrija l-għad li l-Ministru Edward Scicluna ħabbar il-Budget għas-sena d-dieħla.
Qal li l-baġit ta serħan il-moħħ, tama u kuraġġ li jħares lejn iċ-ċirkustanzi tal-preżent, iżda fuq kollox li jistrada t-triq għall-futur, għal tal-inqas l-10 snin li ġejjin.
Dan kien baġit ieħor mingħajr taxxi u qed isir f’kuntest tal-ikbar kriżi dinjija mill-gwerra ’l hawn. Innota kif pajjiżi oħra se jdaħħlu aktar taxxi biex jiffinanzjaw miżuri li daħlu biex jibqgħu fil-wiċċ.
Għall-kuntrarju f’Malta, qal li l-Gvern daħħal miżuri biex nibqgħu għaddejjin waqt dan iż-żmien u fil-baġit qed ngħinu aktar billi nagħtu aktar għajnuna lill-familji, billi ninċentivaw lin-negozju u t-tkabbir ekonomiku.
Il-PL qal li dan il-baġit ikkonferma r-ruħ soċjali tal-Gvern fosthom b’żieda fil-pensjonanti, għajnuna lill-familji bi dħul baxx u medju permezz tat-tax refund, titjib fl-in-work benefit u żieda fiċ-children’s allowance.
Żied jgħid li dan kien ukoll baġit li se jgħin lin-negozji permezz ta’ skemi tal-Malta Enterprise, il-wage supplement, il-vawċers u anke inqas VAT għall-self-employed.
Il-PL temm jgħid li dan l-ewwel baġit tal-Prim Ministru Robert Abela jikkonferma kemm Malta tista’ tħares ’il quddiem.
Ritratt: Facebook/ Robert Abela