Il-PN U Repubblika Jitolbu R-Riżenja Ta’ Joe Cuschieri

 Il-PN U Repubblika Jitolbu R-Riżenja Ta’ Joe Cuschieri

Il-Partit Nazzjonalista u l-għaqda mhux governattiva Repubblika sejħu għar-riżenja ta’ Joe Cuschieri minn Chairman tal-Malta Financial Services Authority (MFSA). Dan wara li ġie allegat li siefer fuq btala ma’ Yorgen Fenech u serva wkoll bħala l-konsulent tiegħu.

Cuschieri għamel dan qabel ma sar magħruf li Fenech kien is-suspettat mandat bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u wara li kien irriżenja minn Kap Eżekuttiv tal-Malta Gaming Authority.

Madankollu fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li Cuschieri naqas li jiddikjara pubblikament li siefer ma’ Fenech, minkejja l-iżviluppi li seħħew fl-aħħar xhur. Il-PN qal li l-istituzzjonijiet f’Malta spiċċaw maħtufa minn min kellu l-interess li jdgħajjifhom u li l-vjaġġi għal btala ta’ Cuschieri tħallsu minn Yorgen Fenech.

Il-PN qal li l-PM għandu minnufih jiddikjara meta sar jaf b’dan il-vjaġġ u jitlob liċ-chairpersons tal-entitajiet pubbliċi kollha li jiddikjaraw pubblikament kull każ ta’ kunflitt ta’ interess bħal dan li jista’ jimpedihom milli jwettqu l-funzjoni tagħhom.

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com