Il-Prim Minsitru Jisħaq Fuq Il-Ħtieġa Ta’ Aktar Inforzar

 Il-Prim Minsitru Jisħaq Fuq Il-Ħtieġa Ta’ Aktar Inforzar

“Huwa kruċjali li nkomplu ninforzaw ir-regolamenti minkejja li nifhem li ħadd ma jieħu pjaċir b’ħafna inforzar. Qegħdin nagħmluh tajjeb iżda se jkun hemm bżonn ta’ aktar inforzar. Dan ma jfissirx li se noqtlu xi settur jew ieħor, iżda bil-kontra, ifisser li l-inforzar miżjud se jissarraf biex inħallu s-setturi miftuħin u biex noħorġu minn dan il-perjodu b’suċċess”.

Hekk sostna l-Prim Ministru Robert Abela f’laqgħa oħra ta’ konsultazzjoni li kellu fil-Berġa ta’ Kastilja mar-rappreżentanti tal-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u r-Ristoranti l-MHRA b’rabta mal-Budget għas-sena d-dieħla.

Dr Abela qal li jifhem li hemm setturi bħal dawk tal-bars li qed jilmentaw mill-inforzar li qed isir, iżda saħaq li dan hu meħtieġ biex noħorġu minn dan il-perjodu b’suċċess.

Il-Prim Ministru saħaq ukoll fuq il-ħtieġa li kulħadd jilbes il-maskla biex nikkontrollaw aħjar ir-rata tal-infezzjonijiet. Qal li permezz ta’ kampanji edukattivi rridu nwasslu l-messaġġ dwar l-importanza tal-ilbies tal-maskli u użu aktar wiesgħa tagħha.

Tkellem ukoll dwar il-ħtieġa ta’ aktar screening fl-ajruport u tenna li s-soluzzjoni mhix li nagħlqu l-ajruport. Qal li hu kruċjali li jkollna sistema ta’ rapid testing u li nżiedu t-testijiet ta’ persuni li qed jaslu f’Malta u li ma jkollhomx ċertifikat negattiv. Qal li bħalissa għandna sistema li qed taħdem tajjeb iżda li tista’ tissaħħaħ anke permezz ta’ PCR testing ta’ passiġġieri li jkunu ġejjin Malta.

Waqt li sostna li ma rridux immorru fl-estrem appella għall-bilanċ u qal li dawn il-miżuri mhux se joħonqu lill-pajjiż iżda se jippreservaw aħjar is-setturi ekonomiċi ta’ pajjiżna.

Ritratt: The Malta Independent

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com