Il-Pubbliku Se Jibqa’ Jkollu Aċċess Liberu Għar-Riservi Fil-Miżieb U L-Aħrax Tul Is-Sena Kollha
Il-Gvern xejjen għal kollox l-allegazzjonijiet foloz fil-midja u sostna li l-pubbliku se jibqa’ jkollu aċċess liberu għar-riservi kollha fil-Miżieb tul is-sena kollha hekk kif seħħ f’dawn l-aħħar 34 sena.
Fi sqtarrija dettaljata, il-Gvern iċċara bosta punti b’rabta mal-ftehim iffirmat mal-Federazzjoni Kaċċaturi u Nassaba Konservazjonisti (FKNK) wara li kien hemm bosta ineżattezzi rrappurtati:
Beda biex qal li l-ftehim iffirmat ilbieraħ kien ippubblikat fl-intier tiegħu u għaldaqstant diskors li dan il-ftehim huwa wieħed sigriet hija xi ħaġa li mhux minnha.
Qal li r-riservi tal-Miżieb u tal-Aħrax ilhom jiġu amministrati mill-FKNK sa mill-1986, jiġifieri għal dawn l-aħħar 34 sena taħt gvernijiet differenti.
“Fil-fatt il-Federazzjoni, permezz tal-membri u numru ta’ voluntiera dejjem ħadu ħsieb din iż-żona, ikkultivaw is-siġar u għamlu l-manutenzjoni ta’ kilometri ta’ ħitan tas-sejjieħ, ir-riżultat ta’ dan kollu jista’ jiġi apprezzat illum il-ġurnata għaliex f’dawn iż-żoni nsibu ammont kbir ta’ siġar endemiċi, flora u fawna naturali li jistgħu jitgawdew minn kull min imur f’dawn is-siti jew jgħaddi minn dawn iż-żoni.”
Il-Gvern saħaq li l-ftehim li ġie ffirmat ilbieraħ ma jibdel xejn għajr li qiegħed jirregola dak li fil-prattika kien diġà qiegħed fis-seħħ tul dawn l-aħħar snin u tenna li l-pubbliku inġenerali se jibqa’ jkollu aċċess liberu għal dawn ir-riservi tul is-sena kollha kif dejjem kellhom matul dawn l-aħħar 34 sena.
Il-ftehim qiegħed jiżgura wkoll li l-passaġġi u t-toroq pubbliċi kollha jibqgħu miftuħa għall-pubbliku l-ħin kollu, il-picnic u l-camping sites se jkunu miftuħa bħal qabel filwaqt li se jinfetħu camping sites ġodda (qegħdin jiġu ppubblikati site plans), dan kollu filwaqt li se jkun hemm aktar obbligi ġodda fuq l-FKNK u se jkun hemm il-ħarsien tal-ambjent.
Dan il-ftehim mhuwiex differenti minn ftehim ma’ NGOs oħrajn li jamministraw żoni pubbliċi oħrajn.
Il-Gvern fakkar li ftit tax-xhur ilu, dan l-istess gvern permezz tal-Ministeru għall-Infrastruttura u l-Ministeru għall-Ambjent daħlu fi ftehim ma’ Birdlife Malta sabiex jamministraw iż-żona pubblika tas-Salini, fejn l-istess NGO qiegħda tagħmel xogħol siewi għall-amministarzzjoni ta’ dan is-sit.
L-unika differenza hija li filwaqt li Birdlife Malta qegħdin jingħataw ukoll għajnuna finanzjarja kull sena għall-amministarzzjoni u r-rapportaġġ taż-żona tas-Salini, kif ukoll numru ta’ impjegati tal-gvern sabiex jgħinu fl-immanġġjar ta’ dan is-sit, l-Aħrax u l-Miżieb ser ikunu amministrati mill-FKNK bl-ispejjeż kollha li dan jirrikjedi għal din il-ħidma – inklużi ż-żamma tal-abitat naturali, il-kura tas-siġar, il-manutenzjoni tal-ħitan tas-sejjieħ eċċ… – f’idejn l-istess amministraturi, il-gvern mhuwiex ser ikun qiegħed joħroġ l-ebda spiża.
Il-Gvern qal li ser ikun qed jara li żoni naturali f’pajjiżna jkunu amministrati minn NGOs li għandhom l-esperjenza, il-kapacità u n-namur proprju għaż-żoni rispettivi sabiex ikollna l-aqwa siti ambjentali f’pajjiżna.
Permezz tal-ftehim bejn l-ERA u l-FKNK, il-Gvern qal li qed nassiguraw ukoll li l-organizzazzjoni tissalvagwardja l-ambjent naturali tas-siti. Dan isir permezz ta’ numru ta’ obbligi li l-ERA tpoġġi fuq il-ftehim kif ukoll permezz tad-Direttorat tal-Awtorità li jieħu ħsieb l-infurzar.
“Mexxejna ‘l quddiem ftehim addizzjonali biex tiġi assigurata amministrazzjoni xierqa tas-siti, implimentazzjoni ta’ numru ta’ miżuri ambjentali, moniteraġġ u rondi ta’ infurzar, attivitajiet edukattivi u ta’ għarfien, kif ukoll l-involviment xieraq tal-partijiet interessati.”