Il-Qorti Tordna r-Rilaxx Ta’ Immigrant Li Ilu Miżmum F’Detenzjoni 144 Jum
Il-Qorti tal-Maġistrati rrilaxxat immigrant li kien ilu 144 jum jinżamm f’ċentru ta’ detenzjoni waqt li esprimiet it-tħassib tagħha għal numru sostanzjali ta’ immigranti oħra li qed jiffaċċjaw l-istess sitwazzjoni.
Il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras laqgħet it-talba li saret b’mod urġenti mill-avukat tal-immigrant mill-Kosta tal-Avorju għar-rilaxx immedjat tiegħu minħabba detenzjoni kontra l-liġi.
Hija nnotat li din kienet is-seba’ darba dis-sena li l-qorti kellha każijiet simili u qalet li huwa ta’ tħassib li dawn l-immigranti qed jinżammu miżmuma mingħajr bażi legali f’soċjetà demokratika bbażata fuq is-saltna tad-dritt.
L-immigrant kien ġie salvat mill-baħar fis-7 ta’ Ġunju. Huwa ttieħed fiċ-ċentru ta’ detenzjoni ta’ Ħal Safi u baqa’ jinżamm f’dan iċ-ċentru anke wara li applika għall-ażil ġimgħa wara l-wasla tiegħu. Ingħad li huwa ma ngħata ebda raġuni għax baqa’ jinżamm f’detenzjoni.
Wara 144 jum f’detenzjoni, l-immigranti deher il-qorti fejn l-Assistent Kummissarju Neville Xuereb qal li l-immigrant qatt ma kien miżmum mill-awtoritajiet tal-immigrazzjoni.
Dr Tanya Melillo, f’isem is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika qalet li ma kienx hemm bażi medika biex l-immigrant jinżamm f’detenzjoni.
Il-Qorti kkonfermat biex l-immigrant jiġi ttrasferit fiċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far.