It-Tim Ta’ Azzjoni Mmexxi Minn Bernard Grech Jiltaqa’ Ma’ Charmaine Gauci
Id-deċiżjonijiet dwar il-COVID-19 għandhom ikunu f’idejn l-Awtoritajiet tas-Saħħa u mhux f’idejn il-Prim Ministru.
Dan sostnih il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt laqgħa li kellu mas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika l-Professur Charmaine Gauci. Din il-laqgħa kienet waħda minn numru ta’ laqghat li qed ikollu t-tim t’azzjoni dwar il-COVID imwaqqaf mill-Kap tal-Oppożizzjoni.
Matul il-laqgħa, Bernard Grech tenna l-fiduċja tal-Partit Nazzjonalista fis-Supritendent tas-Saħħa Pubblika u fl-esperti li jaħdmu magħha u esprima dispjaċir għax skontu ħidmiethom ġiet imxekkla minn dikjarazzjonijiet kontrastanti li għamel il-Prim Ministru.
F’laqgħa oħra li kellu mal-Unjin tal-Infermieri u l-Qwiebel (MUMN), il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech tenna l-apprezzament għall-ħidma bla heda mill-professjonisti fil-qasam tas-saħħa u l-frontliners kollha, partikolarment l-isfidi li għaddejjin minnhom u l-pressjoni li din il-pandemija qed toħloq lilhom u l-familji tagħhom.