Jidħlu T-Tfal Kollha Tal-Iskejjel Statali
Illum daħlu l-aħħar żewġ year groups ta’ studenti li kien fadal jidħlu fl-iskejjel Statali sabiex b’hekk mil-lum daħlu t-tfal kollha għat-tkomplija tal-aħjar edukazzjoni tagħhom.
Dan wara deċiżjoni li kienet ittieħdet li għal din is-sena skolastika l-istudenti tas-snin ta’ edukazzjoni obbligatorja jidħlu mqassmin fuq tul ta’ ġimgħa bejn is-7 ta’ Ottubru, 2020 u llum. Din id-deċiżjoni ġiet segwita wkoll minn skejjel oħrajn, senjatament dawk tal-Knisja.
Il-Ministeru għall-Edukazzjoni qal li b’kollox huma 33,361 l-istudenti li huma reġistrati ma’ xi waħda tal-Iskejjel tal-Istat fis-snin tal-Kindergarten u dawk tal-edukazzjoni obbligatorja. Hemm ukoll 22,374 student ieħor fl-istess snin li huma rreġistrati ma’ xi waħda tal-iskejjel li m’humiex tal-istat.
Fakkar li din is-sena ttieħdu għadd ta’ miżuri bla preċedent għall-ftuħ mill-ġdid tal-Iskejjel fid-dawl taċ-ċirkostanzi tal-Covid-19.
Fit-2 ta’ Settembru, 2020 ġie ppubblikat protokoll għall-ftuħ mill-ġdid tal-Iskejjel mill-Awtoritajiet tas-Saħħa wara konsultazzjoni mal-awtoritajiet tal-Edukazzjoni.
Dan il-protokoll ġie implimentat permezz ta’ iktar minn 50 miżura li ttieħdu fl-iskejjel kollha tal-Istat u sar risk assessment indipendenti minn esperti meqjusa bħala Persuni Kompetenti mill-OHSA għal kull skola.
Ukoll, saru bidliet fis-sillabu u f’diversi metodi ta’ tagħlim sabiex wieħed jilqa’ għar-realtajiet ġodda waqt li saru ftehmiet mal-istakeholders ewlenin sabiex jiġi assigurat li jkun hemm edukaturi fil-klassijiet tal-istudenti, anke meta xi edukatur ma jattendix l-iskola minħabba raġunijiet ġustifikati.
Ritratt: Eurasianet