Jinħoloq Furur Dwar Il-Qbil Tal-FKNK B’Rabta Mal-Miżieb
Mijiet ta’ persuni rħewlha fuq il-mezzi soċjali biex jesprimu r-rabja u d-dispjaċir li għandhom dwar il-qbil li sar wara bibien magħluqa bejn l-FKNK u l-Gvern biex ikunu l-kaċċaturi msieħba mal-għaqda li jkollhom aċċess esklussiv għall-Miżieb u l-Aħrax, żoni magħrufin sew ukoll mal-pubbliku għal żoni rurali li wieħed seta’ jqatta’ l-ħin liberu.
Bosta lmentaw dwar kif hi xi ħaġa tal-mistħija li post li għandu jitħalla miftuħ għall-pubbliku, speċjalment meta n-natura dejjem qed tonqos, issa ttieħdet minn taħt ħalq il-poplu biex għal tliet snin sħaħ dawn iż-żoni, kemm l-immaniġġjar u l-operat se jispiċċaw f’idejn l-FKNK.
Minkejja li kien hemm mijiet li wrew id-dispjaċir tagħhom, dan il-ftehim ġie ffirmat f’laqgħa privata l-Ġimgħa, bl-aħbar twassal biex tinħoloq petizzjoni u mijiet iffirmaw kontra dan il-qbil.