Joseph Muscat Jirriżenja Mill-Parlament
Dr Muscat irriżenja minn deputat permezz ta’ ittra li ppreżenta fis-seduta tal-lejla lill-Ispeaker tal-Kamra Anġlu Farrugia.
Fl-ittra ta’ riżenja tiegħu li qara fil-Parlament, Joseph Muscat qal li kien se jirriżenja minn membru parlamentari. Dr Muscat qal li fl-aħħar diskors tiegħu bħala Prim Ministru kien qal li se jirriżenja minn deputat parlamentari.
Qal li wara aktar minn 12-il sena jservi fil-Parlament u erba’ snin fil-Parlament Ewropew, huwa kburi bis-servizz li ta bħala Prim Ministru għal darbtejn, kap tal-oppożizzjoni u membru parlamentari għal tliet darbiet. Qal li jinsab kburi li f’żewġ leġislaturi kien mgħobbli bir-responsabbiltà tal-ikbar ammont ta’ voti li qatt kellu membru Parlamentari.
Qal li waqt li fin-natura tiegħu dejjem xtaq jagħmel iktar u aħjar, jevita l-iżbalji u jagħti aktar ħidma, huwa kuntent biex pajjiżna kkontribwixxa biex pajjiżna jinsab aħjar u f’qagħda iktar b’saħħitha milli qatt kien biex jilqa’ għall-isfidi. Huwa ta ħajr lill-Ispeaker u lill-predeċessuri tiegħu.
Dr Muscat daħal fil-Parlament għall-ewwel darba fl-1 ta’ Ottubru tal-2008 wara li f’Ġunju tal-istess sena kien inħatar Mexxej tal-Partit Laburista. Huwa baqa’ jokkupa l-kariga ta’ Kap tal-Oppożizzjoni sal-elezzjoni ġenerali ta’ Marzu 2013. Elezzjoni Ġenerali li rebaħ b’maġġoranza storika ta’ 36,000 u ratu jieħu l-ġurament bħala s-seba’ Prim Ministru ta’ Malta mill-Indipendenza ’l hawn.
Dr Muscat reġa’ ġie kkonfermat fil-kariga fl-aħħar elezzjoni ġenerali li saret fit-3 ta’ Ġunju 2017. Dan wara rebħa oħra storika kważi bl-istess distakk tal-2013 fuq il-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Simon Busuttil.
Huwa rriżenja minn Prim Ministru fit-13 ta’ Jannar 2020.