Kelli 15-il Misluta U L-Kuluri F’Xagħri… Illum Jien Patri Kapuċċin
Jethro Bajada huwa bniedem mimli ispirazzjoni u mħabba għall-oħrajn. Huwa għajn ta’ tama għal min jaqta’ qalbu. Tkellimna miegħu dwar il-bidla li seħħet fih…
Qalilna li kellu tfulija normali, kien abbati u jattendi l-iskola tal-gvern. Dejjem attiv, jilgħab il-basketball, jiżfen il-breakdance u anke jħobb id-drama.
Meta għalaq 16-il sena beda jiffissa fl-imsielet fejn kellu 15-il waħda. Il-kuluri f’xagħru ma naqsux. Kien jilbes ilbies baggy ħabba r-rap. Qalilna wkoll li biddel bost skejjel wara s-sekondarja għax ma kienx jaf xi jrid jagħmel b’ħajtu.
Iżda ta’ 18-il sena kellu stedina partikolari li bidlitlu ħajtu. Kien mistieden imur pelegrinaġġ f’Medjugorjè; vjaġġ li ma xtaqx imur. “Imma spiċċajt mort u din il-ġimgħa kienet esperjenza partikolari ħafna. Hawnhekk esperjenzajt xi ħaġa ġdida. Il-ferħ! Qabel kont kuntent, imdawwar bi ħbieb li jħobbuni u ħajja kkulurita. Imma dil-ġimgħa doqt il-ferħ … li mhux ikkawżat għal xi ħaġa li kont qed nagħmel, imma sens kontinwu ta’ paċi u ferħ f’qalbi.”
Minn hemm beda jfittex li jkun preżenti fl-attivitajiet kollha li kien ikun mistieden, beda jmur quddies kuljum u din flimkien mat-talb saru importanti għalih: “Imma b’differenza; fejn qabel it-talb u l-quddies kienu boring u għall-anzjani, issa għalija kienu jfissru xi ħaġa ġdida. Wara Medjugorje fhimt xi ħaġa ċentrali … li jien maħbub minn Alla hekk kif jien u li jinteressah tant minni u li jixtieqli kull ġid. U dan x’taqt dejjem nifhmu aktar u nduqu aktar!”, tenna Jethro.
Illum huwa Patri Kapuċċin u xtaq jaqsam mal-qarrejja dan il-messaġġ: ”
“Kull pass huwa sfida, għax ma’ kull pass ġdid irridu naffaċċjaw dak li bl-ingliż insejħulu l-fear of the unknown. Għaldaqstant, inħeġġeġ lil tant persuni li jinsabu quddiem sfida ġdida jew quddiem xi pass importanti biex iħarsu dejjem ’il quddiem u jagħtu l-pass anke jekk fid-dlam. U jittamaw! Ta’ għajnuna kbira tkun jekk isibu lil xi ħadd li jista jimxi magħhom u jgħinhom jaraw xi ftit aktar ċara s-sitwazzjoni tagħhom. Fil-każ ta’ vokazzjoni, għandhom ifittxu li jitkellmu ma’ xi patri, soru jew qassis biex jgħinhom jifhmu dejjem aħjar dak li għaddejjin minnu.”
Minn Stradarjali.com nawgurawlek tassew Jethro!