Kien Jistaħba Fil-Kurutur Tal-Iskola Biex Jevita Li Jiġi Bbulijat
“Mhux bosta nies li jafuni, jafu din dwari. Jien kont vittma tal-ibbuljar meta kont l-iskola. Kull jum, kont ma naħmilx il-ħoss tal-qanpiena fil-ħin tal-brejk, u hekk kif kienet iddoqq, kont infittex post fejn nistaħba.”
Hekk irrakkonta żagħżugħ fuq paġna f’Facebook, fejn spjega kif dan kollu kien jagħmlu minħabba li t-tfal tal-iskola kienu dejjem jippruvaw iweġġgħuh. Sostna, kif forsi għax kien differenti.
Għalekk, qal, l-aħjar post li kien isib biex jistaħba kien fil-kurutur ħdejn l-uffiċċju tal-Kap tal-Iskola.
Ma kellu ebda ħbieb, lanqas fuq it-trasport tal-iskola, u dejjem kien jipprova jsib post fuq wara tal-vettura. Meta ma kienx isib, kienu jobżqulu, iweħħlulu l-istickers ma’ daharu u jsejħulu b’ħafna ismijiet.
Spjega kif meta kien jgħid lill-Kap tal-Iskola dak iż-żmien, il-jum ta’ wara kien ikellimhom iżda xejn ma kien isir aktar.
Qal kif issa li huwa adult, għadu jġorr minn dak li għadda minnu iżda jispera li dawk li kienu jgħadduh minn din l-esperjenza kerha, illum il-ġurnata jiddispjaċihom.
Wara li għadda minn din l-espejrenza, qal kif ma jixtieq lil ebda tifel jew tifla li tgħaddi mill-istess esperjenza, u kif jispera li jekk hemm xi tfal li għaddejjin minn esperjenza simili, isibu l-għajnuna li għandhom bżonn.