“Kienu Jiġu Minn Malta Kollha Għall-Halloween Iżda Aktar Għal Puttinu… Agħtu Xorta Donazzjoni!” – Is-Sindku Ta’ Pembroke
Kull min għandu għal qalbu l-Halloween, u forsi ta’ kull sena jieħu gost jieħu lit-tfal ‘trick or treating’ fit-toroq, żgur mhux forsi jafu bl-inizjattiva li kienet issir ta’ kull sena fi Triq San Ġorġ Preca f’Pembroke.
Dan hekk kif din it-triq, b’sehem u anke appoġġ b’saħħtu mill-Kunsill Lokali, kienet tiġi mżejna mir-residenti li kienu jistennew bil-ħerqa ta’ kull sena lit-tfal mal-ġenituri biex jiġbru ftit ħelu f’din l-attivitá ħlejja.
Kif irrakkonta ma’ StradaRjali s-Sindku ta’ Pembroke, Dean Hili, qal kif ta’ kull sena din l-attivitá kienet tattratta nies minn kull lokalitá li kienu jżuru din it-triq sinonima ma’ bosta. Iżda spjega kif minn attivitá ħelwa li kienet tiġi ċċelebrata ta’ kull sena, kien ħareġ għan nobbli hekk kif inħolqot qisha attivitá ta’ karitá. Dan hekk kif kull min kien jidħol f’din it-triq proprju fil-jum tal-Halloween, biex jagħmel ‘trick or treating’ kien ikollu jagħti donazzjoni ċkejkna li kienet tkun għal Puttinu.
Għalekk, dawk li kienu jħobbu l-Halloween kienu jżuru aktar bil-qalb hekk kif apparti li kienet tkun xi ħaġa li tgħaqqad il-lokalitá, kienet qed issir ukoll att ta’ karitá ma’ min għandu bżonn.
Kien proprju tliet snin ilu li saret l-ewwel darba, u minn dakinhar l’hawn in-nies dejjem komplew jiżdiedu fejn saħansitra ngħataw l-appoġġ ukoll minn Dan U San, fejn il-Kunsill Lokali saħansitra beda jaħdem ma’ Transport Malta biex issir żona ta’ ‘Park&Ride’.
Iżda spjega kif kawża tal-pandemija, din l-attivita mhux se tkun possibbli din is-sena hekk kif l-iffullar tan-nies proprju f’din it-triq mhux rakkomandat speċjalment fid-dawl tal-appell tad-distanza soċjali fost oħrajn.
Għalekk hu xtaq jappella biex dawk kollha li ta’ kull sena kienu jattendu u jagħtu donazzjoni, din is-sena jistgħu xorta waħda jagħmlu att nobbli u jagħtu dik id-donazzjoni li jagħtu ta’ kull sena u jaħsbu f’Puttinu minkejja li l-attivitá mhux se tkun qed tittella’.
Dan hekk kif id-donazzjonijiet xorta waħda huma bżonjużi, speċjalment f’dawn iż-żminijiet, hekk kif żgur għandhom bżonn kull att ta’ karitá aktar minn qatt qabel.