Kienu Qalulu Li F’Malta D-Droga Mhix Daqshekk Problema – Illum Jiċċelebra Għeluq Sninu Mons. Victor Grech

 Kienu Qalulu Li F’Malta D-Droga Mhix Daqshekk Problema – Illum Jiċċelebra Għeluq Sninu Mons. Victor Grech

Monsinjur Victor Grech twieled fid-19 t’Ottubru tal-1929 u kien Direttur tal-Caritas Malta.

Twieled f’Bormla. Iggradwa mill-Università ta’ Malta u wara li kien ordnat saċerdot serva ta’ Viċi-Rettur u Rettur fis-Seminarju. Fl-istess ħin, kien ukoll Direttur Nazzjonali għall-Vokazzjonijiet. Huwa ġie mogħti l-visitorship tal-British Council. Kien ukoll Lettur-Viżitatur fil-Fakultà tat-Teoloġija u Lettur ta’ suġġetti reliġjużi u soċjali fil-Mater Admirabilis Teachers’ Training College. Għin ukoll biex titwaqqaf l-ewwel komunità ta’ saċerdoti Maltin fil-Brażil u kkollabora ma’ Monsinjur Delleport fit-twaqqif tal-European Seminary f’Maastricht.

Bil-ħidma ġenwina tiegħu, Mons Grech biddel il-mod u l-mentalità kif is-soċjetà tirtatta kwistjonijiet relatati mad-droga, l-alkoħol, il-faqar u l-inġustizzja soċjali. B’ħidmietu, ta xiehda tat-tifsira vera tal-ispirtu ta’ solidarjetà u l-ħidma volontarja, kemm fuq livell lokali u anki fl-Ewropa.

Kien fl-1984, meta Monsinjur Grech waqqaf il-Proġetti tal-Caritas għall-Prevenzjoni u r-Riabilitazzjoni mid-Droga u fl-1985 waqqaf l-ewwel Komunità Terapewtika għal dawk li jabbużaw mid-droga f’Malta. Kien hu wkoll li ta bidu għall-ewwel Xelter residenzjali għall-irġiel kif ukoll għan-nisa, fejn fetaħ Dar għar-riabilitazzjoni tal-Priġunieri bi problemi ta’ droga.

Monsinjur Grech kien il-Fundatur u l-ewwel Ċermen tal-Fondazzjoni tal-Caritas għar-Riabilitazzjoni tad-Drogati.

Meta beda ħidmitu kien hemm min qallu li Malta m’hawnx droga u li kważi qatt mhu ser tmissna! Illum, nirringrazzjawh għall-ħidma fejjieda tiegħu.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com