“Kif Tista’ Tgħid Lil Min Hu Mill-Marsa Jew Ħamrun Li l-Immigranti Barka?” …L-Arċisqof Scicluna Jirrispondi

 “Kif Tista’ Tgħid Lil Min Hu Mill-Marsa Jew Ħamrun Li l-Immigranti Barka?” …L-Arċisqof Scicluna Jirrispondi

“Kif tista’ tgħid lil min hu mill-Marsa jew mill-Ħamrun li l-immigranti huma barka jew rigal?”

Din kienet waħda mill-mistoqsijiet li ressaq Fr. Joe Borg f’intervista mal-Arċisqof Charles J. Scicluna, fejn iddiskutew l-immigrazzjoni fost affarijiet oħrajn.

Scicluna spjega kif filwaqt li hu twieled frott l-imħabba ta’ ommu u missieru, meta dawn emigraw lejn pajjiż ieħor – il-Kanada, huma kienu f’pajjiż li ma kienx pajjiżhom. Filwaqt li marru bid-dokumenti neċessarji kollha, xorta kienu jitqiesu bħala immigranti u għalekk setgħu jiġu meqjusa bħala persuni li m’humiex mill-post.

Iżda spjega kif meta ommu u missieru marru l-Kanada, huma ħadu magħhom dak kollu li tgħallmu tul ħajjithom, mhux biss fil-klassi jew forsi waqt xi quddiesa, iżda anke l-esperjenza tal-ħajja. Qal kif dan ifisser li għal dak il-pajjiż li huma marru fih, dan kien ifisser barka u rigal għas-soċjetá hekk kif kull persuna ġġorr magħha kwalitajiet differenti li minnhom jista’ jgawdi l-pajjiż u s-soċjetá.

Meta ġie mistoqsi dwar jekk l-immigranti għandhomx jitqiesu bħala ħutna, hu spjega kif jifhem dwar meta bniedem iġib l-argument li l-aħwa huma dawk li aħna ma ngħażlux u li jitwieldu fil-familja, iżda l-frażi li juża l-Papa “Fratelli Tutti” ma tistax tiġi tradotta u għandha tingħad bil-mod kif qalha hu.

Dan hekk kif din il-frażi tkun trid tfisser li fil-veritá bejn kull wieħed u waħda minna m’hemmx fruntieri, iżda aħna lkoll aħwa mill-istess Missier. Spjega kif m’hemmx “għax dak iswed, jew dak abjad jew dak fl-isfar… iżda aħna lkoll aħwa.” Għalekk, kemm jekk wieħed hu immigrant jew kemm jekk hu tal-lokal, f’għajnejn Alla aħna lkoll aħwa u lkoll persuni bi kwalitajiet tajbin li nistgħu naqsmu ma’ xulxin u nitgħallmu minn xulxin.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com