Kummissarju Ewropew Tgħid Lil Alfred Sant Li D-Drittijiet Tal-Passiġġieri Tal-Ajru Jibqgħu Applikabbli Waqt Il-Kriżi Covid-19

 Kummissarju Ewropew Tgħid Lil Alfred Sant Li D-Drittijiet Tal-Passiġġieri Tal-Ajru Jibqgħu Applikabbli Waqt Il-Kriżi Covid-19

Bi tweġiba għall-pressjoni mill-Ewroparlamentari Laburista Alfred Sant, il-Kummissjoni Ewropea għamlitha ċara li, matul il-kriżi bla preċedent tal-pandemija Covid-19, id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru jibqgħu applikabbli u l-miżuri nazzjonali biex jappoġġjaw l-industrija m’għandhomx inaqqsu dawn id-drittijiet tal-konsumatur.

Il-Kummissjoni Ewropea kienet qed twieġeb għall-mistoqsijiet parlamentari ta’ Alfred Sant li jiffokaw fuq l-azzjonijiet tal-Kummissjoni rigward il-linji tal-ajru kif ukoll dwar l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom ikunu qed jissorveljaw li d-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru qed jiġu rispettati. Dawn il-mistoqsijiet kienu sottomessi b’segwitu għal mistoqsija oħra magħmula minn Alfred Sant f’Lulju dwar ir-rimborż ta’ biljetti tal-ajru kkanċellati waqt il-pandemija COVID.

Fit-tweġiba tagħha f’isem il-Kummissjoni, il-Kummissarju Ewropew għat-Trasport Adina-Ioana Valean iddikjarat li d-dritt tal-passiġġieri li jirċievu rimborż fi flus jekk jixtiequ hekk kien enfasizzat fil-Linji Gwida tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Marzu 2020 dwar ir-regolamenti tad-drittijiet tal-passiġġieri fl-UE kif ukoll fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Mejju 2020 dwar vawċers.

F’dan il-kuntest, fl-14 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni bagħtet ittri lill-Istati Membri kollha biex tħeġġiġhom jiżguraw li r-regolamenti tal-UE dwar id-drittijiet tal-passiġġieri jiġu applikati b’mod korrett.

Il-Kummissarju Valean spjegat li r-responsabbiltà għall-infurzar tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru tabilħaqq taqa’ fuq l-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar maħtura minn kull Stat Membru skont Artikolu 16.

Wara dan l-iskambju ta’ ittri, fit-2 ta’ Lulju 2020, il-Kummissjoni fetħet proċeduri kontra żewġ Stati Membri, l-Italja u l-Greċja, talli adottatw leġiżlazzjoni li tikkontradixxi l-qafas legali tal-UE. Iż-żewġ pajjiżi ħadu miżuri li ma jikkonformawx mar-regoli tal-UE dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru u dwar l-ivvjaġġar fuq il-baħar.

Fit-tweġiba bil-miktub tagħha lil Alfred Sant, il-Kummissjoni qalet li bħalissa qed tikkonsidra t-tweġibiet minn dawn l-Istati Membri u qed tinvestiga wkoll is-sitwazzjoni fis-27 Stat Membru kollha u għal dan il-għan talbet li tirċievi sa tmiem Ottubru 2020 informazzjoni dettaljata dwar l-applikazzjoni. tar-regoli tal-UE dwar id-drittijiet tal-passiġġieri mill-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri permezz tal-mekkaniżmu ta‘ djalogu tal-EU Pilot.

Il-Kummissjoni Ewropea żiedet li l-allegati prattiċi mil-linji tal-ajru huma wkoll is-suġġett ta’ proċess ta’ konsultazzjoni li l-Kummissjoni nediet fin-netwerk tal-awtoritajiet nazzjonali dwar kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumatur bil-ħsieb li jkunu kontemplati miżuri ta’ infurzar ikkoordinati. Il-Kummissjoni qalet li mhix qed tirrifletti fuq il-ħolqien ta’ mekkaniżmu addizzjonali minħabba li dak eżistenti huwa applikabbli.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com