L-Inkjesta Dwar Schembri – “Ebda Prova Ta’ Korruzzjoni mill-IIP” – Id-Difiża

 L-Inkjesta Dwar Schembri – “Ebda Prova Ta’ Korruzzjoni mill-IIP” – Id-Difiża

L-inkjesta maġisterjali li saret fuq allegazzjonijiet ta’ tixħim minn Keith Schembri mill-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment ma sabet ebda provi ta’ korruzzjoni. Dan ġie żvelat ilbieraħ mill-Avukati tas-Sur Schembri li kien jokkupa l-kariga ta’ chief of staff fl-Uffiċċju tal-ex Prim Ministru Joseph Muscat.

L-inkjesta kienet intalbet mill-ex Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil.

Madankollu f’rapport f’The Times żied jingħad li l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali semma li hemm kwistjonijiet oħrajn li kienu jeħtieġ li jiġu investigati.

L-Avukat Edward Gatt li qed jidher għal Schembri qal lill-Qorti Kostituzzjonali li l-inkjesta li s’issa baqgħet ma ġietx ippubblikata, ma sabet ebda prova ta’ tixħim minn Keith Schembri.

Madankollu, l-Avukat Fiorella Fenech Vella, mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qalet li l-inkjesta semmiet kwistjonijiet oħrajn u li l-investigazzjonijiet li għaddejjin mill-awtoritajiet għadhom fi stadju bikri.

L-inkjesta li saret mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras ġiet konkluża x-xahar li għadda. Il-Maġistrat investigat l-allegazzjonijiet li saru minn Simon Busuttil meta allega li Schembri daħħal €100,000 mill-bejgħ tal-passaporti.

Schembri kien ġie arrestat ftit wara li ġiet konkluża l-inkjesta. Huwa kien inħeles fuq police bail u kellu l-assi kollha tiegħu u tan-nies ta’ madwaru ffriżati.

Ritratt: maltawinds.com

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com