“M’Hemmx Okkażjonijiet Kbar Tal-Familji Dan Il-Milied” – Chris Fearne
“Dan il-Milied għandhom ikunu evitati l-okkażjonijiet fejn jiltaqgħu ħafna familji bejniethom fid-djar.”
Sostna dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, waqt kollegament fuq il-programm televiżiv TVAM. Hu fakkar kif il-massimu ta’ persuni li jistgħu jinġemgħu fuq barra huwa dak ta’ sitta, fejn saħaq li dan ma jfissirx li wieħed għandu jkollu numru ta’ kbir ta’ nies fid-dar privata tiegħu hekk kif din xorta hi ħażina.
Spjega kif fix-xhur xitwin, dan huwa l-perjodu li fih jiżdiedu l-infezzjonijiet, mhux biss f’Malta imma madwar l-Ewropa kollha hekk kif jidher li fix-xhur li ġejjin din mistennija tkompli.
Saħaq li Malta tinsab ippreparata għaż-żieda ta’ infezzjonijiet, iżda kawża ta’ hekk jaf jonqsu l-operazzjonijiet jew anke servizzi tas-saħħa.
Mr. Fearne kompla billi saħaq fuq l-importanza dwar kif kulħadd għandu jagħmel il-parti tiegħu sabiex ma jkomplix iżid mal-piż fejn tenna kif wieħed għandu jkompli jsegwi d-direttivi maħruġa mill-Awtoritajiet tas-Saħħa b’mod partikolari dwar id-distanza soċjali u l-użu tal-maskri.
Hu semma wkoll dwar kif Malta se tkun mal-pajjiżi kbar li se tkun qed tirċievi l-vaċċin, fl-istess jum li din tasal fl-Ewropa.